Minn hawn u ftit ġranet oħra se jitressqu lill-Gvern ir-Regolamenti dwar in-Nirien. Dawn se jkunu qegħdin jobbligaw lill-inġiniera kif ukoll lis-sidien ta’ postijiet pubbliċi sabiex ikun hawn bini adekwat li jilqa’ f’każ ta’ inċidenti ta’ din ix-xorta.
Dan ġie żvelat mill-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fejn semma kif dawn ir-regolamenti huma mmirati sabiex joffru aktar protezzjoni lill-pubbliku, kemm fuq il-post tax-xogħol tagħhom kif ukoll f’attivitajiet divertenti:
“Irridu naraw li l-bini meta jinbena jkollu lqugħ neċessarju għan-nirien, li postijiet ta’ divertiment ikollhom rekwiżiti kollha għal ħruġ ta’ emerġenza li jkun hemm responsabbiltà tal-awtorità li jagħmlu visti għall-għarrieda biex jaraw li kollox huwa f’postu, u kull min imur f’postijiet ta’ divertiment jew uffiċini jkun ċert li l-post huwa sigur”.
Huwa ħabbar dan waqt l-għoti taċ-ċertifikati lil disgħin membru tas-St John Rescue Corps li temmew b’suċċess numru ta’ programmi ta’ taħriġ li jitrattaw is-salvataġġ.
Din l-għaqda mhux governattiva tagħti servizz lill-pubbliku fuq bażi volontarja f’attivitajiet tal-massa, fosthom f’kunċerti kbar kif ukoll jagħtu kontribut siewi lill-membri tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili.
B’waħda mill-aktar ħidmiet siewja li għamlet kien waqt il-maltemp qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin fi Frar illi għadda, fejn kien hawn ħerba sħiħa fit-toroq.
It-taħriġ li ngħata lill-membri jinkludi tifi tan-nar, salvataġġ fuq il-baħar kif ukoll salvataġġ mill-għoli fost l-oħrajn.
ONE News tkellem ma’ Andrew Grech li huwa l-Kummissarju tas-Saint John Rescue Corps fejn semma kif b’dan it-tagħlim, il-membri qed jingħataw aktar ħiliet bil-għan li joffru servizz mill-aqwa u adegwat lill-pubbliku. Permezz ta’ dan it-taħriġ, li sar tul is-sena kollha, dawn il-membri ser ikunu f’qagħda li jkunu ta għajnuna għal ħaddieħor fl-eventwalità ta’ xi emerġenza.