Bl-uffiċċju ta’ Identity Malta fil-bini tal-isptar Mater Dei, l-affarijiet qed jitjiebu u qed jingħata servizz aktar effiċjenti.
Dan l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam man-notifiki u ċ-ċertifikati tat-twelid u tal-mewt.
Filfatt disgħin fil-mija tan-notifiki tat-twelid f’Malta daħlu f’dan l-uffiċju flok fl-uffiċju li jinsab f’Evans Building fil-Belt Valletta.
Qabel ma kien hemm dan l-uffiċju wara t-twelid jew mewt ta’ persuna, dak li jkun kien ikollu jmur il-Belt biex jinnotifika ħalli jinħareġ iċ-ċertifikat.
Anton Sevasta, kap eżekuttiv ta’ Identity Malta spjega magħna s-suċċess ta’ dan l-uffiċju f’Mater Dei, li qed jagħmel l-affarijiet iżjed faċli għal klijent.
Spjega li “L-uffiċċju ta’ Mater Dei, ta’ Identity Malta kien waħda minn dawn ir-raġunijiet għala naħsbu illi kienet importanti ħafna sabiex il-pubbliku jinqeda aħjar. Illum ovvjament, ħafna mit-twelidiet isiru Mater Dei, għal daqstant dak in-numru ta’ disgħin fil-mija filfatt jixhed is-suċċess ta’ dan l-uffiċċju. Apparti minn dan is-servizz hemm hekk noffru wkoll is-servizz tal-imwiet u noffru servizzi oħrajn bħal ma huwa l-emergency passport għat-tfal, trabi li jkunu inqas minn ħames snin.”
Vince Sladden jieħu ħsieb ir-reġistru pubbliku, u spjega magħna li fi żminijiet diffiċli bħal ta’ mewt, wieħed ikun irid jirranġa l-karti anki minħabba proċessi bankarji u ta’ wirt.
Sladden qal kif “Li pruvajna nagħmlu fil-każ taċ-ċertifikati tal-mewt u fin-notifiki tal-mewt huwa li nersqu naqra iżjed lejn il-klijent. Fi żminijiet bħal dawn, fi żminijiet li ma tantx huma sbieħ tajjeb li dak li jkun jeħles kemm jista’ jkun malajr. Fejn hemm karti, għax moħħok ma jkunx qiegħed fuq il-karti u fuq in-notifiki imma fuq ovvjament affarijiet oħra.”
Iċ-ċertifikat tat-twelid jew tal-mewt jista’ joħroġ wara notifika fl-uffiċju ta’ Mater Dei.
U dan b’sempliċi applikazzjoni fuq is-sit online certifikati.gov.mt.