F’kważi tliet snin u nofs il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Familja u Drittijiet tat-Tfal wettaq disgħin fil-mija tal-wegħdi fil-Manifest Elettorali li ppreżenta l-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Ħabbar dan il-MinistruMichael Falzon, fejn f’Konferenza tal-Aħbarijiet f’Ħal Tarxien bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ saħaq li dan kollu juri kemm Gvern Laburista jimpurtah u lest li jaħdem bis-sħiħ fil-qasam soċjali.
Qal kif, “Xi ħaġa li dejjem għamilna bħala amministrazzjonijiet Laburisti, xi ħaġa li dejjem emminna fiha u għalhekk aħna man-nies u għan-nies għax aħna nemmnu f’ġustizzja soċjali. Bi pjaċir ngħid u b’ringrazzjament lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fid-dipartiment u Ministeru u dawk li jaħdmu fil-qasam soċjali, għax dan il-Ministeru diġà wettaq disgħin fil-mija tal-wegħdi kollha fil-manifest elettorali tal-elfejn u sbatax. Sodisfazzjon għax tkun wettaqt 90% u wkoll għax turi l-ġustizzja soċjali li tant nemmnu fiha.”
Il-Ministru Falzon semma diversi minn dawn il-miżuri, fosthom dawk li jolqtu b’mod dirett lit-tfal. Fost dawn hemm il-liġi storika tat-tfal li daħlet fis-seħħ mill-ewwel ta’ Lulju li għadda.
Hawnekk il-Ministru semma l-għotja ta’ €10,000 lill-familji li jadottaw minn barra pajjiżna u somma ta’ elf ewro għal dawk li jadottaw lokalment.
Miżura importanti oħra kienet iż-żieda minn sebgħin ewro għal mija u għaxar ewro fil-ġimgħa lil dawk li jiffosterjaw.
Miżura kruċjali mmens kienet it-twaqqif ta’ Ċentru ta’ rijabilitazzjoni tad-droga għat-tfal b’investiment ta’ aktar minn erba’ miljun ewro u jikkumplimenta dan hemm il-ħidma tal-Gvern biex anqas tfal u żgħażagħ jabbużaw minn xi sustanza, inaqqsu l-użu tat-tabakk u anke l-konsum tal-alkoħol.
Gvern Laburista, anke f’l-akbar budget li qatt ippreżenta għal din is-sena, reġa’ għolla ċ-Children’s allowance u introduċa miżuri importanti li jolqtu direttament persuni b’diżabilità.
Ma naqasx li l-Ministru Michael Falzon jsemmi l-wegħdi kruċjali fis-settur tal-anzjani, partikolarment fejn jidħlu l-pensjonijiet u anke l-inġustizzji tal-passat.
Il-Ministru Falzon għamel referenza wkoll għat-tnaqqis tal-faqar, anke fejn jidħu t-tfal, fejn pajjiżna qed jara li aktar tfal m’għadomx jgħixu fil-faqar.
Dan kollu jfisser li sa issa twettqu wieħed u għoxrin minn erbgħa u tletin miżura soċjali li qed jitħaddmu b’mod sħiħ.
Parti mit-twettiq ta’ dawn il-miżuri huma grazzi għal ħidma mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS. Għall-ewwel darba din il-fondazzjoni impjegat pedjatra full-time u anke direttorati apposta li jiffukaw fuq il-ħarsien tat-tfal.
It-tisħiħ tal-Istandards Soċjali, il-konsultazzjoni pubblika fuq il-liġi tal-adozzjoni u l-obbligu bil-liġi ta’ rapporti minn professjonisti dwar suspett ta’ abbuż fuq it-tfal, ukoll kienu fuq il-lista tat-twettiq ta’ dan il-Ministeru.
Intant, miżuri oħrajn li qed isir progress fihom bħalissa huma l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa qabel l-età ta’ 18-il sena minn persuni mwielda qabel l-1962 jibdew jgħoddu wkoll għall-pensjoni tal-irtirar. Hawnhekk rajna żieda fit-tħaddim ta’ din il-miżura bi ħmistax fil-mija. S’issa din il-wegħda hi nofsha mwettqa.
Miżura oħra hija li jiġu protetti d-drittijiet tal-pensjoni tal-konjugi u ħlas tal-bolla fuq aktar minn part-time wieħed. Dawn iż-żewġ miżuri raw titjib ta’ 3% minn Novembru li għadda u prattikament qed jitħaddmu b’mod sħiħ, hekk kif ħamsa u disgħin fil-mija tal-miżura qed titħaddem.