90% tal-proġett tas-Central Link jinsab lest.
Ħabbar dan il-Gvern f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif spjega li t-toroq ġodda, bankini, korsiji għar-roti u infrastruttura oħra ta’ dan l-investiment f’Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara huma lesti.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Infratstruttura u Trasport Ian Borg spjega kif permezz ta’ dan il-proġett ta’ €55 miljun il-pajjiż se jkun jista’ jgawdi mill-benefiċċji li se jġib miegħu wara li għal tant żmien tħalla fuq l-ixkaffa.
Qal, “Hawnhekk qed naraw proġett li huwa pjanat għal għexieren ta’ snin. Proġett li se jkun qed inaqqas 50% fl-ivjaġġar tan-nies li jgħaddu minn dawn is-7 kilometri ta’ korsiji. Mir-Rabat u l-Imdina sa l-Imrieħel. Tnaqqis allura fl-emmissjonijiet, fit-tniġġis li kellek fl-irħula.”
Intant fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed isiru diversi xogħlijiet t’asfalt.
Infrastructure Malta se ssaħħaħ dawn it-toroq b’tip t’asfalt li nediet fit-toroq arterjali f’Malta fl-2020 bħala materjal aktar b’saħħtu li jservi iżjed u jirreżisti aktar għat-tibdil fit-temperatura.
Fil-ġimgħat li ġejjin, se tkun lesta wkoll il-parti l-kbira minn dik li se tkun l-itwal korsija għar-roti u l-mixi fiż-żewġ direzzjonijiet f’Malta.
Din tinkludi passaġġ ta’ 4.3 kilometri mifrud mill-korsiji għall-vetturi b’siġar, arbuxelli u forom oħra ta’ segregazzjoni, biex jipprovdi konnessjoni aktar sigura u pjaċevoli għal mezzi ta’ trasport alternattivi f’din iż-żona.
Apparti li ġew mgħoddija wkoll għexieren ta’ kilometri ta’ servizzi u nbnew ukoll bankini ġodda flimkien ma’ waqfiet għal karozzi tal-linja, issa jmiss li f’Settembru jitpoġġew sistemi ta’ irrigazzjoni u t-tħawwil ta’ aktar minn 580 siġra ġdida f’madwar 24,000 metru kwadru ta’ żoni ġodda.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Huwa spjega kif dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.
Spjega, “Il-parti ta’ fondi ewropej f’dan il-proġett tiswa madwar 15-il miljun. Dan huwa proġett importanti għall-Infrastruttura ta’ pajjiżna, mhux biss għax isaħħaħ ir-road network tagħna iżda wkoll għaliex huwa mezz kif aħna nnaqqsu l-emmissjonijiet peress li jkollok inqas bottle necks u inqas waiting times fit-traġitti tal-karozzi.”