Aktar minn 90% tal-istudenti tal-Inġinerija u l-ICT li gradwaw mill-Kulleġġ Malti għax-Xjenza, l-Arti u t-Teknoloġija sabu impjieg full-time bil-maġġoranza assoluta issa qed jaħdmu f’qasam relatat mal-kors li studjaw fih.
Dan jixhdu studju li wettaq l-MCAST stess fost 550 student li attendew għal korsijiet ta’ studju fi ħdanu.
L-akbar numru ta’ studenti ingaġġati b’xogħol part-time kienu dawk ġejjin mill-Istitut tal-Arti Kreattiva u milll-Istitut għas-Servizzi Komunitarji.
Kif spjega tajjeb direttur fl-MCAST, istituti oħrajn kellhom rati għoljin ta’ studenti li joħorġu mill-kulleġġ b’xogħol lest jistennihom.
Is-Sur John Bartollo, Direttur fl-MCAST qal,“Anke l-istituti l-oħra eżempju l-istitut tan-Negozju u l-Kummerċ ‘il fuq minn 87% tal-istudenti li gradwaw minn dan l-istitut ukoll sabu xogħol li huwa direttament relatat mal-istudju.”
Spjega wkoll kif l-inqas ċifra ta’ studenti li sabu xogħol full-time kien fl-istitut tas-servizzi fil-komunità.: “Jekk insemmu l-inqas ċifra hija ta’ 72% għal dawk li gradwaw mill-Istitut ta’ Servizzi fil-Komunità però hemmhekk nafu li hemm numru sostanzjali ta’ studenti li kif lestew il-kors minn magħna għaddew biex ikomplu bl-istudji tagħhom fl-Università.”
Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja sostna s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn iċ-ċifri li jikkonfermaw l-effettività tal-programmi tal-istudji li toffri l-MCAST.
Is-Sur Calleja sostna: “Dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina. Dan ifisser li l-kwalifiki tal-MCAST huma relevanti għad-dinja tax-xogħol, huma relevanti għas-suq tax-xogħol u qed isibu impjieg immedjat anke f’sitwazzjoni fejn kellna l-Covid fl-2020, l-istudenti xorta sabu x-xogħol tagħhom.”