Waqt emerġenza, 90% tal-ħajjiet jiġu salvati minn persuni li m’għandhom l-ebda taħriġ mediku.
F’dan il-kuntest, u l-fatt li qed ngħixu fi żmien ta’ pandemija, il-Malta Red Cross nediet kors online dwar l-ewwel għajnuna, biex b’mod innovattiv twassal taħriġ fil-kumdita tad-djar tan-nies.
Id-Direttur tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar Robert Brincau spjega li n-nuqqas ta’ tagħrif tal-ewwel l-għajnuna jista’ jwassal għal nuqqas ta’ azzjoni f’ċerti każijiet, li jista’ jwassal ukoll għal telf ta’ ħajjiet.
Brincau stqarr, “Pilastru fil-first aid huwa li tgħin kemm jista’ jkun tgħin lill-pazjent fuq barra, tipprova tistabilizzah biex ma jkompliex jiddeterjora u min affarijiet żgħar, tibda mit-telefonata tal-112, tibda tagħti l-informazzjoni u tgħid l-għajnuna li għandek bżonn.”
It-taħriġ jinkludi struzzjonijiet faċli u huwa aċċessibli għal dawk li m’għandhom l-ebda sfond mediku, u jittratta sitwazzjonijiet bħal attakki tal-qalb, ħruq u ksur.
Fil-bini tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar f’Pembroke, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li minkejja l-imxija tal-coronavirus, din l-għaqda xorta qed tagħti s-servizzi tagħha lin-nies.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Bħala ministeru tal-intern qed naħdmu id f’id magħhom fuq diversi proġetti sabiex insalvaw il-ħajjiet tan-nies u biex nagħmlu l-ħajjiet tan-nies għall-aħjar.”
Aktar dettalji dwar dan il-kors jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit www.redcross.org.mt.