Għaxra fil-mija biss ta’ dawk li laqqtu l-virus tal-Covid-19 u daħlu l-isptar tul ix-xahar ta’ Lulju, kienu mlaqqmin bil-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Dan qalu l-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Michael Borg f’intervista ma’ ONE News hekk kif spjega li f’Lulju sar studju intern dwar il-persuni nfettati li kellhom jiddaħħlu l-isptar.
Ma’ ONE News il-Professur Michael Borg qal li b’hekk irriżulta li 90% tal-każijiet ta’ Covid-19 li daħlu għall-kura fl-Isptar Mater Dei f’Lulju ma kinux imlaqqmin.
Huwa qalilna, “90% kienu nies li ma kinux imlaqqmin jiġifieri din turi l-impatt li qed jagħmel il-vaċċin biex jevitaw nies milli jidħlu l-isptar u ovjament ikollhom mard serju b’riperskussjonijiet serji.”
Il-Professur Borg tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fl-isptar bħalissa mqabbla ma’ Ottubru li għadda fejn kien hemm madwar l-istess ammont ta’ każijiet ta’ Covid-19.
Huwa sostna: “Meta tara kemm kellna każijiet ġol-isptar ta’ Covid f’Ottubru ma’ llum issib li llum għandna madwar 20% biss ta’ dak li kellna f’Ottubru u għandna qisu 10% biss ta’ każijiet fl-ITU milli kellna f’Ottubru jiġifieri dan ukoll juri l-effettività tat-tilqima tal-vaċċin hawn Malta u kemm qed jagħmel differenza.”
Tenna wkoll li nies li jkollhom immunità batuta minħabba xi mard jew mediċina li qed jieħdu jistgħu jirreaġixxu b’inqas effettività għall-vaċċin: “Pereżempju li jkollhom dawn it-tip ta’ cancers tad-demm fejn iċ-ċelloli tad-demm ma jibqgħux effettivi, ikunu qed jieħdu mediċini li tnaqqas l-effett tal-immunità tagħhom u f’dawn in-nies nafu li l-vaċċin jista’ ma jkunx effettiv daqs qabel u f’dawn in-nies il-booster jista’ jgħin ħafna.”
Il-Professur Borg temm jgħid li dan kollu jipponta lejn l-effettività tal-vaċċin u kemm verament jaħdem. Huwa sostna l-appelli kontinwi li qed isiru sabiex kull min għadu ma tlaqqamx, jagħmel dan mill-aktar fis possibbli.