90% ta’ dawk eliġibbli għall-vaċċin f’pajjiżna huma mlaqqma kompletament.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet.
Fil-fatt, il-Ministru Fearne spjega kif bħalissa madwar id-dinja il-pandemija tinsab fl-agħar tagħha minħabba l-varjant tad-delta.
Madankollu saħaq li dan mhux il-każ f’pajjiżna hekk kif kellna programm ta’ tilqim b’saħħtu ħafna. Huwa fil-fatt ħabbar kif f’pajjiżna sa issa ngħataw mas-792,000 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Hawnhekk il-Ministru Fearne spjega wkoll li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll hekk kif anke jixhdu n-numri ta’ każijiet fl-isptar Mater Dei .
Fil-fatt, bħalissa f’pajjiżna 37 persuna jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei bi tnejn minnhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar fl-importanza li kull min hu eliġġibli jieħu t-tilqima joħodha. Dan hekk kif 90% tal-każijiet kritiċi ta’ Covid-19 li l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbtu wiċċhom magħhom riċentament, kienu persuni li ma ħadux it-tilqima.
Waqt l-indirizz tiegħu l-Ministru Fearne sostna wkoll s-suċċess tal-walk-in clinics hekk kif fihom tlaqqmu mas-60,000 ruħ. Sa issa tniżżlu wkoll 320,000 ċertifikat tal-vaċċin f’pajjiżna.
Il-Ministru Fearne spjega wkoll kif mit-13 ta’ Settembru kif pjanat se tkun qed tingħata d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19 lill-persuni vulnerabbli fosthom anzjani fid-djar tal-anzjani.
Hawnhekk il-Ministru Fearne spjega li f’dan l-istadju min ikollu jieħu t-tielet tilqima u ma joħodiex xorta se jkun jista’ jniżżel iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Intant il-Ministru Fearne spjega kif f’pajjiżna se jkompli jitnaqqsu l-miżuri ta’ mitigazzjoni kif pjanat fosthom fl-attivitajiet kbar.