F’24 siegħa saru 90 spezzjoni f’residenzi li fihom hemm persuni u familji taħt kwarantina mandatorja wara li fl-aħħar jiem kellhom kuntatt ma’ persuni morda bil-Coronavirus jew persuni li ġew mis-safar.
Dawn l-ispezzjonijiet qed jitwettqu mill-Pulizija tal-ALE flimkien ma’ spetturi tas-Saħħa Pubblika u membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Waqt dawn l-ispezzjonijiet kienu biss tnejn li ma nstabux id-dar u nħarġitilhom multa ta’ €1,000.
ONE News kien preżenti waqt dawn l-ispezzjonijet fi tliet irħula differenti fejn osserva l-uffiċċjali jużaw diversi metodi ta’ prekawzjoni biex iwaqqfu l-imxija ta’ dan il-virus.
Wara li jikkonfermaw li l-persuna tinsab f’darha flimkien mal-membri tal-familja tagħha, minn distanza, l-uffiċċjali wieġbu l-mistoqsijiet li kellhom dawk fi kwarantina.
Il-maġġur ta’ din it-taqsima spjega li l-Pulizija qegħdin iduru l-indirizzi ta’ dawk kollha li ġew f’pajjiżna u qed jaġixxu ukoll fuq rapporti li jaslulhom dwar nies li ma jobdux ir-regoli.
Is-Sur Gino Caruana, Spettur tal-ALE spjega: “Hemm każi li qed iċemplu fl-għasses tal-Pulizija jew id-Depot tal-Pulizija imbagħad intbagħat email fuq covid19@gov.mt nista’ ngħidlek li mill-bieraħ daħlu mas-600 complaint, qed jiġu ċċekjati u min jinstab ma jobdix qed jieħdu passi immedjatament.”
Tenna li l-ispezzjonijiet mhux se jaqtgħu u se jkomplu fis-sigħat u l-jiem li ġejjin, kemm f’residenzi u kif ukoll f’lukandi.
Qal ukoll li l-Pulizija tista’ tmur aktar minn darba fl-istess indirizz.
Matul il-jum, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ngħataw taħriġ dwar l-ilbies protettiv u diżinfettant ta’ persuni u postijiet kontaminati, biex ikunu lesti biex jassistu bl-aħjar mod f’ċirkostanzi ta’ pandemija.
Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, radd ħajr lill-pulizija u l-forzi tal-ordni kollha li f’dawn il-jiem qed jaħdmu id f’id mal-awtoritajiet tas-saħħa fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-Covid-19.