Bħal-lum 90 sena twieled l-eks Prim Ministru Malti u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici.
Iben Lorenzo Mifsud Bonnici u Catherine Buttigieg twieled fis-17 ta’ Lulju tal-1933, f’Bormla.
Mifsud Bonnici kien id-disa’ Prim Ministru ta’ Malta bejn Diċembru tal-1984 u Mejju tal-1987. Kien ukoll il-ħames Mexxej tal-Partit Laburista bejn l-1984 sal-1992.
Meta kien għadu student, Mifsud Bonnici kien membru attiv fi ħdan il-Moviment Ħaddiema Kattoliċi Żgħażagħ.
Fl-aħħar tas-sittinijiet, Karmenu Mifsud Bonnici nħatar konsultent għall-General Workers’ Union, fejn kien protagonist fil-ġlieda kontra l-liġi fir-relazzjonijiet industrijali, kif proposta mill-Partit Nazzjonalista. B’din kienet tinkludi sentenza ta’ ħabs lil ħaddiema li jistrajkjaw.
L-Avukat Bormliż kien ġej minn familja Nazzjonalista, iżda huwa kien stqarr li minkejja li kien Nazzjonalist mit-twelid, iżda Laburist bl-għażla u l-konvinzjoni.
Fl-1980, huwa daħħal fil-Partit Laburista. Dan meta l-Prim Ministru u Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff propona li Mifsud Bonnici jkun Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Sentejn wara, Mintoff ressaq mozzjoni quddiem il-Konferenza Ġenerali fejn huwa ppropona lil Dr Mifsud Bonnici bħala l-mexxej nominat tal-Partit Laburista.
Wara li Pawlu Xuereb irriżenja mill-Parlament fl-1982, Karmenu Mifsud Bonnici kien co-opted u nħatar Ministru għax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali.
Il-karriera politika tiegħu kompliet miexja ’l quddiem sena wara, meta ħuwa nħatar Deputat Prim Ministru u kif ukoll Ministru għall-Edukazzjoni. Huwa kien protagonist fil-kwistjoni bejn il-Knisja u l-Istat rigward l-introduzzjoni tal-Edukazzjoni b’xejn għal kulħadd.
F’Diċembru tal-1984, wara r-riżenja ta’ Dom Mintoff, Dr Mifsud Bonnici ħa l-ġurament bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Matul il-karriera politika tiegħu, huwa okkupa ukoll il-kariga ta’ Ministru għall-Intern fejn kien responsabbli mill-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Sigurtà fl-Ajruport, fost responsabilitajiet oħra.
Tant li huwa kellu sehem ewlieni fin-negozjati li ddominaw il-ħtif t’ajruplan Eġizzjan li niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-1985.
Bejn l-1987 u l-1992 Mifsud Bonnici serva bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa baqa’ jiġi elett fil-Parlament Malti sal-1996.
Wara xorta baqa’ attiv politikament, bl-aħħar involviment dirett tiegħu ikun fl-2003 meta permezz tal-Kampanja Indipendenza Nazzjonali, huwa kien oppona d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
L-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista huwa mniżżel fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu bħala kumpann tal-unur.
Fl-għodwa tas-Sibt 5 ta’ Novembru li għadda, kienet tħabbret il-mewt tal-eks Prim Ministru umli fl-età ta’ 89 sena.
Sadanittant, fl-aħħar ġimgħat tħabbar mill-Gvern li se jsir mafkar ad unur l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici fi Pjazza Kastilja, biex tibqa’ mfakkra l-memorja tiegħu.