Mumenti wara li ħarġet l-aħbar li l-Pulizija Maltija għandha f’idejha tmien Maltin b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kienu bosta l-aġenziji tal-aħbarijiet minn madwar id-dinja li rrapportaw dwar dan.
Rapporti li saru bi prominenza, li kkwotaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’dak li qal f’Kastilja u nnotaw il-ħidma tal-Pulizija Maltija u l-impenn tal-Gvern Malti biex isolvi dan il-każ.Fost tal-ewwel kien hemm il-BBC, li bit-titlu “Malta arrests eight over blogger murder” irraportat kif il-Pulizija Maltija arrestat tmien persuni b’rabta mal-qtil b’karozza bomba tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Semmiet ukoll il-miljun ewro reward li offra l-Gvern Malti lil min jagħti informazzjoni li twassal għall-imħuħ wara l-qtil brutali.
Il-BBC innotat ukoll il-fatt li l-Gvern Malti talab l-għajnuna t’esperti internazzjonali, fosthom l-FBI, biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters ukoll innotat dan, li rrimarkat kif f’inqas minn xahrejn wara d-delitt, qed jinżammu arrestati persuni li issa għandhom tmienja u erbgħin siegħa ċans biex jiġu interrogati.
L-istess dettalji kienu rrappurtati f’“The Guardian”, li mal-ewwel tat sfond u fakkret kif seħħ il-każ.
Ma’ dawn ingħaqdu aġenziji tal-aħbarijiet Taljani bħar-Rai, Il Messaggero, Repubblica u La Presse.