Il-maġġoranza sħiħa ta’ negozji Maltin jew li huma bbażati Malta qalu li n-negozju tagħhom mar għall-aħjar mindu daħlu fis-Suq Waħdieni Ewropew.
Dan ħareġ mill-aħħar studju li għamlet il-Malta Business Bureau, li kkonferma li 89% tan-negozji f’Malta esprimew dan is-sentiment. L-istudju ġie ppreżentat lill-Minsitru għall-Intrapriża Chris Cardona l-Erbgħa filgħodu mill-President tal-Malta Business Bureau, Simon De Cesare.
Il-Ministru Cardona laqa’ dawn ir-riżultati b’sodisfazzjon, u qal li grazzi għal dan, il-Gvern għandu għarfien aħjar ta’ kif in-negozji qed jaħdmu fis-Suq Waħdieni.
Huwa qal li s-sħubija tal-Gżejjer Maltin fl-Unjoni Ewropea ħalliet lin-negozji f’Malta jikbru, speċjalment meta wieħed iqis ukoll it-tkabbir ekonomiku bla preċedent li Malta esperjenzat fl-aħħar snin.
Il-Ministru nnota wkoll xi tħassib li wrew uħud min-negozji li pparteċipaw fl-istudju, fosthom dwar il-proċessi amministrattivi u leġiżlazzjonijiet eċċessivi, li kultant iwasslu wkoll għal theddida ta’ eluf ta’ ewro lin-negozju.
Huwa spjega li l-SMEs għandhom bżonn regolamenti Ewropej li huna future-proof u flessibbli biex in-negozji jkunu jistgħu jikbru u jfasslu strateġiji innovattivi.
Innota wkoll li fost il-proposti tal-MBB fid-dawl ta’ dan l-istudju hem konsultazzjonijiet aktar fit-tul mal-industrija, u qal li l-Ministeru mmexxi minnu se jikkonsidra kull riżultat u proposta mniżżla fir-rapport li kien ippreżentat l-Erbgħa.