87 immigrant ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta wara li kienu f’diffikulta fuq dgħajsa tal-injam madwar tletin mil nawtiku fin-nofsinhar ta’ Lampedusa. Dawn iddaħħlu fil-bażi marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben fl-għodwa tal-Erbgħa.
Fi stqarrija l-Forzi Armati qalu li rċivew notifika miċ-ċentru ta’ kordinazzjoni u salvtaġġ f’Ruma dwar id-dgħajsa t-Tnejn li għadda. Intqal li bastiment Taljan tal-Frontex intalab jagħti l-asisstenza lil din id-dgħajsa bl-immigranti sakemm jaslu l-Forzi Armati Maltin. Madanakollu l-Armata qalet li l-bastiment tal-Frontex ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-assistenza mitluba.
L-Armata kompliet li l-immigranti ġew salvati fil-lejl tat-Tlieta u ttellgħu abbord il-Patrol Boat P52.
Intant, grupp ieħor ta’ immigranti li ddaħħlu f’Malta fl-aħħar tas-sena li għaddiet ħallew pajjiżna lejn Franza kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Dan kien ir-raba’ grupp ta’ immigranti li fl-aħħar ġimgħat telqu minn Malta, bl-ewwel gruppi jitilqu lejn Franza, il-Lussemburgu u l-Portugall.
Fi stqarrija, il-gvern qal li l-immigranti kienu mgħejjuna mill-awtoritajiet lokali u dawk Franċiżi, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni, u awtoritajiet oħra Ewropej.
L-immigranti ħallew Malta bis-saħħa ta’ ftehim ad hoc li ntlaħaq bejn il-Kummissjoni Ewropea, Malta u stati membri Ewropej oħra, minħabba l-kriżi umanitarja li nqalgħet.