F’dawn l-aħħar sitt xhur, ġew installati mas-sittin tablet u mitt QR Code, li permezz tagħhom tmint elef u erba’ mitt persuna taw ir-rispons tagħhom dwar is-servizz pubbliku. Minn dan l-eżerċizzju jirriżulta li sebgħa u tmenin fil-mija tal-klijenti huma sodisfatti bis-servizz mogħti.
Dan intqal waqt ċerimonja li fiha ngħata rikonoxximent mistħoqq lil ministeri, dipartimenti, entitajiet, u persuni fis-Servizz Pubbliku li spikkaw għas-servizz eċċellenti li taw.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, tkellem dwar il-mezzi li s-Servizz Pubbliku nnifsu qed jipprovdi lill-klijenti tiegħu biex jesprimu ruħhom dwar is-servizz li jingħataw. Huwa qal li, sa mill-bidu nett tat-tibdil kollu li twettaq fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin, il-kwalità tas-servizz kienet il-qofol tal-pjani kollha li saru u li ġew attwati.
Ir-Rikonoxximent Speċjali din is-sena ngħata lill-Kuntistabbli tal-Pulizija PC2423 Charlene Delia, li għamlet att erojku meta salvat tifla ta’ erba’ snin milli tittajjar minn karozza.
Iċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, George Vella, fil-Palazz Verdala.