Matul is-sena skolastika li għaddiet, 861 student Għawdxi, li kienu qegħdin jistudjaw full-time f’waħda mill-istituzzjonijiet edukattivi f’Malta, gawdew mis-sussidju finanzjarju li jagħtihom il-Gvern ta’ kull xahar, biex ikoprilhom parti mill-ħlas tal-kirja għall-akkomodazzjoni f’Malta u jew għat-traġitt minn gżira għall-oħra.
Fil-fatt jirriżulta, minn ċifri li kiseb dan l-istazzjon, li f’sena waħda biss, li tkopri minn minn Ottubru 2022 sa Ġunju 2023, il-Gvern investa f’dawn l-istudenti kważi miljun u tliet mitt elf ewro (€1,276,620), jiġifieri medja ta’ elf u ħames mitt ewro għal kull student.
Mill-applikazzjonijiet, li daħlu għand il-Ministeru għal Għawdex, juru li 621 minn dawn l-istudenti kienu jattendu l-Università ta’ Malta, 206 il-Kulleġġ Malti għax-Xjenza, l-Arti u t-Teknoloġija, l-MCAST, 13 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, u 21 student f’istituzzjonijiet edukattivi oħrajn.
Dawk l-istudenti li jkunu jeħtieġu sussidju addizzjonali għall-kera ta’ appartament, jistgħu wkoll japplikaw mal-Ministeru għal Għawdex fuq għadd ta’ kriterji. Is-sena li għaddiet dawn ammontaw għal 132 applikant u li bejniethom ħadu €98,300.
Dwar dan tkellimna mal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li qalilna kif dan l-investiment jikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern biex aktar studenti jkomplu bl-istudji tagħhom.
“Sussidju finanzjarju fejn tidħol il-kera għall-akkomodazzjoni, fejn jidħol ukoll it-traġitt biex wieħed jasal minn Għawdex lejn l-Università, l-MCAST jew istituzzjonijiet oħrajn edukattivi, u dan proprju biex inkomplu nħeġġu aktar Għawdxin isegwu edukazzjoni Post Sekondarja lil hinn mill-gżira ta’ Għawdex.”
Dan ifisser li Gvern Laburista baqa’ jżomm kelmtu mal-istudenti Għawdxin u wettaq miżura oħra tal-Baġit, kif l-istess qed jibqa’ jagħmel f’din is-sena skolastika li għaddejja bħalissa.
Jikkumplimenta dan l-investiment hemm il-proġetti mħabbrin fil-Baġit għal din is-sena.
L-ewwel li mistennija jitlestew huma x-xogħlijiet f’Villa Lauri f’Birkirkara, bl-installar ta’ lifts u għamara wara li, fix-xhur li għaddew, tlesta x-xogħol infrastrutturali. Din se sservi ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti Għawdxin.
Aktar riċenti, tħabbar ukoll li se jkun qed jingħata bidu għal proġett ieħor ta’ akkomodazzjoni għal dan il-għan, bl-isem ta’ Dar Fatima fi Gwardamanġa.