Tul is-sena tal-pandemija, sitta u tmenin fil-mija (86%) tal-kumpaniji Maltin ma keċċew l-ebda ħaddiem minn magħhom.
Dan ħareġ mir-raba’ stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem bejn mitejn u ħdax-il parteċipant, li ġejjin minn kumpaniji differenti f’pajjiżna.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif kienu biss erbatax fil-mija tal-kumpaniji li keċċew xi ħaddiema.
Ħareġ li minn dawk il-kumpaniji li keċċew in-nies, sitta u tmenin fil-mija tal-kumpaniji keċċew sa kwart tal-ħaddiema filwaqt li erbatax fil-mija biss keċċew sa nofs il-ħaddiema tal-kumpanija.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif minn Settembru li għadda kważi n-nofs tal-parteċipanti daħlu ħaddiema ġodda jew reġgħu daħlu ħaddiema li kienu tkeċċew.
Sitta u sebgħin fil-mija tal-kumpaniji, li tfisser mija u sittin kumpanija qed jaraw kif se jibqgħu stabbli fit-tliet xhur li ġejjin, filwaqt li kważi għaxra fil-mija tal-kumpaniji qed jaraw li jżidu l-ħaddiema bħal-livell ta’ qabel il-pandemija.
Meta mistoqsija jekk is-sitwazzjoni tagħhom mhiex aħjar mis-sajf li għadda, erbgħa u erbgħin fil-mija tal-parteċipanti qalu kif is-sitwazzjoni baqgħet l-istess, filwaqt li tlieta u għoxrin fil-mija qalu li s-sitwazzjoni tinsab aħjar.
F’dan l-istħarriġ ħareġ kif tmienja u ħamsin fil-mija tal-kumpaniji qalu li l-iktar miżura effettiva waqt il-pandemija kienet dik tal-COVID Wage Supplement, filwaqt li tlieta u għoxrin fil-mija qalu li r-rifużjoni tal-kontijiet tad-dawl.
Kważi ħamsa u ħamsin fil-mija tal-kumpaniji qalu li l-programm ta’ tilqim se jkollu effett pożittiv fuq in-negozju, bi kważi żewġ terzi tal-kumpaniji jwieġbu favur li jkun hemm passaport li juru li wieħed ikun tlaqqam.