Aktar minn 800,000 passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Mejju li għadda. Din kienet l-ewwel darba li nkiseb dan ir-riżultat fil-ħames xahar tas-sena, hekk kif din iċ-ċifra rekord kienet intlaħqet f’Lulju s-sena l-oħra.
Fil-fatt, it-tmien mija u tmienja u ħamsin, erba’ mija u żewġ movimenti li ġew irreġistrati fix-xahar li għadda, issarrfu f’żieda ta’ 18.2 fil-mija, jiġifieri aktar minn 132,000 bejn tluq u wasliet fuq l-għadd rekord f’Mejju tas-sena l-oħra.
Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 13.8 fil-mija fl-għadd ta’ titjiriet, b’total ta’ 5,607 titjiriet matul ix-xahar, kif ukoll tkabbir ta’ 14.1 fil-mija fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet.
Domanda b’saħħitha għall-ivvjaġġar bl-ajru, flimkien mal-użu effiċjenti tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet irriżultaw ukoll f’seat load factor ta’ 85.9 fil-mija.
L-akbar swieq tal-Ajruport Malti baqgħu l-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, li flimkien kienu responsabbli għal ftit aktar minn 50% tat-total tat-traffiku li għadda mill-mitjar lokali.
Filwaqt li Franza u l-Polonja kienu r-raba’ u l-ħames l-aktar swieq importanti rispettivament għall-Ajruport, is-suq Pollakk irreġistra l-aktar tkabbir b’saħħtu, meta t-traffiku minn u lejn din id-destinazzjoni żdied bi 62.4 fil-mija fuq Mejju tal-2023.
L-aktar ajruport popolari minn Malta kienet dik ta’ Gatwick f’Londra, fejn kien hemm erba’ mija u tmienja u erbgħin elf u ħamsa u erbgħin moviment tal-passiġġieri.
It-traffiku fl-Ajruport mill-bidu tas-sena jammonta għal kważi tliet miljun, mitejn u sitt elef u seba’ mija. Li tfisser żieda ta’ 19.6 fil-mija fuq l-2023.