Kienet suċċess kbir il-15-il edizzjoni tan-Notte Bianca, li wara sentejn ta’ nuqqas minħabba l-pandemija reġgħet saret ilbieraħ fit-toroq u l-pjazez tal-belt kaitali.
Il-Festivals Malta, l-entità fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali li organizzat dan il-festival annwali, ħabbar li din is-sena attendew madwar 85,000 ruħ, li huwa numru rekord għan-Notte Bianca.
Din l-attività kbira serviet ta’ pjattaforma għal ’il fuq minn 50 attività li biex saru involvew ekwipaġġ ta’ iktar minn 300 ruħ u madwar 548 artist.
Il-programm ta’ din is-sena kien imqassam fuq seba’ rotot marbutin ma’ diversi forom ta’ arti. L-akbar rotta kienet dik tal-mużika, li fiha kien hemm madwar 20 proġett ta’ ġeneri diversi mferrxin ma’seba’ palkijiet, knejjes, teatri, u mużewijiet.
Il-proġett interessanti ħafna li kellha Notte Bianca ta’ din is-sena kien UNight; proġett li ċċelebra l-għaqda fid-diversità u li kien jikkonsisti minn kollaborazzjoni bejn artisti lokali u oħrajn b’oriġini Mediterranja, Afrikana u Għarbija, li taw rappreżentazzjoni multidixxiplinarja fil-Gran Salon fil-Mużew tal-Arkeoloġija.
L-installazjoni tal-karozzi tal-linja tradizzjonali kienet waħda tassew unika li qanqlet ħafna nostalġija. Dawn il-karozzi ma kinux biss dekor fi Pjazza Tritoni imma kienu wkoll parti minn proġett li jibni fuq l-istorja li dawn stess iġorru magħhom u servew ta’ palk għal diversi produzzjonijiet teatrali u taż-żfin.
Fil-Berġa ta’ Aragona kien hemm ukoll proġett li għaqqad l-għana tradizzjonali Malti f’fużjoni mar-ritmu tal-flamenco. Dan il-proġett kien frott ta’ kollaborazzjoni bejn għannejja Maltin u kumpanija taż-żfin lokali li tispeċjalizza fi żfin ta’ dan il-ġeneru.
Fost il-binjiet storiċi li fetħu l-bibien tagħhom beraħ fl-okkażjoni tan-Notte Bianca kien hemm il-Berġa ta’ Kastilja, fejn in-nies kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu mal-Prim Ministru, Robert Abela, u ma’ Dr Lydia Abela.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat li l-festival tan-Notte Bianca ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħidma bla heda tal-ħaddiema kollha tal-Festivals Malta nnifisha u l-ħaddiema tekniċi, u mingħajr is-sapport ta’ entitajiet bħal l-eritage Malta, il-Kunsill Lokali tal-Belt, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ir-Red Cross, is-St John Ambulance, it-Transport Malta, il-LESA, u l-Awtorità tal-Artijiet.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/02084328/WhatsApp-Image-2022-10-02-at-7.04.05-AM-1024x683.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/02084328/WhatsApp-Image-2022-10-02-at-7.03.50-AM-1024x617.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/02084328/WhatsApp-Image-2022-10-02-at-7.03.30-AM-1024x683.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/02084328/WhatsApp-Image-2022-10-02-at-7.02.29-AM-1-1024x575.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/02084328/Drone-1_Photo-by-Roberto-Sarcia-1024x575.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/02084328/Drone-2_Photo-by-Roberto-Sarcia-1024x575.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/02084331/Drone-3_Photo-by-Roberto-Sarcia-1024x575.jpg)