Ħamsa u tmenin fil-mija tar-residenti li jgħixu f’żoni fejn hemm l-uffiċjali tal-Pulizija fil-komunità, raw titjib fil-lokalità tagħhom wara l-introduzzjoni ta’ dan il-proġett.
Dan ħareġ f’intervista li ONE News għamel mal-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, fi tmiem sena oħra tiegħu fit-tmun tal-Korp.
F’ħarsa lejn is-sena elfejn u tnejn u għoxrin, il-Kummissarju fakkar kif il-proġett tal-Pulizija fil-komunità, beda bħala proġett pilota fl-elfejn u dsatax fil-Mellieħa, u din is-sena kompla jiġi estiż biex illum, ikopri ħamsa u sebgħin fil-mija tal-pajjiż.
Il-pjan hu li sal-aħħar tas-sena elfejn u tlieta u għoxrin, dan il-proġett ikopri lill-pajjiż kollu.
Qal, “Il-Korp kontinwament jevalwa l-miżuri li jieħu u matul din is-sena, il-Korp ikkummissjoni stħarriġ li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u filwaqt li dan l-istħarriġ għadu mhux ippubblikat, nista’ ngħid li wera kif ħamsa u tmenin fil-mija ta’ dawk ir-residenti li joqogħdu f’areas fejn kellek il-community policing diġà introdott, raw improvement bl-introduzzjoni ta’ dal-proġett. Saħansitra kellek terz minnhom dawn jgħidu li raw improvement sostanzjali.”
Għall-ewwel darba minn meta tħabbar dan il-proġett, din is-sena, il-kunċett tal-Pulizija fil-komunità ġie ntrodott ukoll fil-gżira Għawdxija.
Qal, “Għamilna stħarriġ mar-residenti u mal-ħwienet ġewwa Marsalforn u qabel ma daħħalna l-community policing kellek sitta u sittin fil-mija ta’ dawn li kellhom sodisfazzjon fil-Pulizija. Wara ftit li ntroduċejna l-community policing erġajna għamilna l-istħarriġ magħhom u wera issa li ħamsa u disgħin fil-mija ta’ dawn l-istess stabbilimenti u residenti ta’ Marsalforn, qalu li raw bidla sostanzjali f’dak li huwa livell ta’ policing u sodisfazzjon tagħhom fil-Pulizija.”
Il-Kummissarju Gafà saħaq li dan is-sentiment ta’ fiduċja min-nies ġie espress ukoll fil-Marsa, fejn hemm element qawwi ta’ multi-kulturaliżmu.
Hawnhekk saħaq li l-Pulizija tieħu rwol attiv f’dan ir-rigward u żżomm relazzjoni tajba ħafna ma’ gruppi ta’ minoranza fis-soċjetà.
Innota b’sodisfazzjon kif minkejja żidiet fil-popolazzjoni, fl-impjegati barranin u fit-turisti, ma kienx hemm żidiet fir-reati kriminali.
Qal, “Ir-realtà hija li fl-aħħar snin, il-Korp qed irażżan il-kriminalità, għandek ċertu reati bħas-serq huwa l-inqas rata li qatt kellna fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena, u proprju din is-sena, li wasalna fl-aħħar tas-sena, l-indikazzjonijiet huma ċari ħafna li dis-sena se nkomplu nnaqqsu l-kriminalità fuq is-snin ta’ qabel.”
Angelo Gafà ilu fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija sa minn Ġunju tal-elfejn u għoxrin, u ftit tax-xhur wara, il-Korp kien ippubblika strateġija ta’ trasformazzjoni għal ħames snin.
Proprju f’nofs il-perjodu tat-twettiq ta’ din l-istrateġija, il-Kummissarju tal-Pulizija qed iħares lejn is-sena l-ġdida bħala waħda li matulha jkomplu jitwettqu aktar miżuri, li fil-qalba tagħhom hemm il-fiduċja tan-nies fil-Korp, li din is-sena żdiedet għal disgħa u sittin fil-mija, minn disgħa u erbgħin fil-mija fl-elfejn u għoxrin.
Qal, “Għall-ewwel darba fi tnax-il sena, il-Korp tal-Pulizija jinsab fuq l-istess livelli tal-medja Ewropea u dan huwa l-aħjar riżultat li kiseb il-Korp sa mill-elfejn u tmienja, u allura dan juri kemm il-miżuri li qed nadattaw, l-impenn tagħna biex is-soċjetà tagħna tkun iktar sigura għan-nies tagħna qed iħalli l-frott u qed jiġi rikonoxxut mill-poplu Malti u Għawdxi.”