Sal-14 ta’ Ottubru, b’kollox intużaw 81.2% tal-vouchers tal-mitt ewro tal-Gvern.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu organizzata mill-MIMCOL f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ekonomija hekk kif ġie spjegat li b’kollox sa issa l-vouchers tal-Gvern taw injezzjoni ekonomika ta’ €52.6 miljun.
Jekk taqsam il-vouchers ħomor minn ma’ dawk blu, intużaw 1,480,000 voucher aħmar filwaqt li ntużaw 340,000 voucher blu.
Waqt l-indirizz tiegħu f’din il-konferenza, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri sostna kif id-deċiżjoni li jinħarġu l-vouchers kienet waħda għaqlija għaliex fil-fatt kellhom effett multipliku.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Għal din il-miżuri allokajna aktar minn €44 miljun. Peress li dak li jkun meta joħroġ ma jonfonqx dawk l-€20 eżatt iżda naqa iktar dik kellha multiplier effect. Jiġifieri minn €44 miljun aħna kkalkulajna fil-bidu konna qed naħsbu li dik il-figura titla’ għal €56 miljun. Allura għal kull €20 kien hemm multiplier ta’ kważi 1.6 average fuqha.”
Waqt il-konferenza ġie ppreżentat stħarriġ dwar l-impatt tal-iskema tal-vouchers tal-gvern ippreżentat mill-Istatistiku Vincent Marmara.
Studju li wera kif 85% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-inizjattiva tal-vouchers għenet kemm fuq livell personali kif ukoll bħala kontributur għall-ekonomija.
L-istatistiku Marmara sostna, “Bħala survey ħareġ biċ-ċar li 55% tal-poplu Malti u Għawdxi kollu qalu li dawn għinu biex ikunu jistgħu joħorġu aktar huma u infatti hemmek wieħed jara li kellna riżultat ieħor b’saħħtu li kien 85% tal-poplu qalu li dawn il-vawċers għinu kemm lilhom u kif ukoll l-ekonomija.”
L-istudju juri wkoll li fiż-żmien tal-pandemija kienu ż-żgħażagħ l-aktar li ħassewhom komdi jonfqu.
Iċ-Chairman tal-Mimcol Adrian Said qal li din il-konferenza kienet opportunità biex jiġi diskuss l-impatt tal-vouchers u permezz ta’ diskussjoni kostruttiva jidentifikaw it-triq ’il quddiem għall-implimentazzjoni ta’ miżuri li jiżguraw impatt pożittiv fuq il-komunità tan-negozji.