“Residenzi ta’ kwalità għolja u b’dinjità”. Dan intqal mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, matul dibattitu fil-Parlament fuq l-estimi finanzjarji tal-Ministeru responsabbli minnu.
Il-Ministru tkellem dwar kif il-Baġit 2025 hu l-akbar wieħed fl-istorja għal dan is-settur, b’aktar minn ħamsa u ħamsin miljun ewro allokati. Dan ifisser żieda ta’ seba’ miljun ewro fuq is-sena li għaddiet u tliet darbiet aktar mill-Baġit tal-2012 fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Fil-fatt tenna li, minn baġit ta’ żewġ miljun ewro, dan illum tella’ għall-akbar allokazzjoni fl-istorja tal-housing, b’55 miljun ewro.
Hawnhekk il-Ministru Galdes sostna li dan l-investiment qed iħalli l-frott tiegħu.
“Meta dħalt jiena fil-kariga kellna madwar 47% tal-popolazzjoni. Illum bl-iskemi li tajna, bl-għajnuna tal-Gvern, tlajna għal 85% tal-Maltin kollha li huma wkoll sidien ta’ darhom. Permezz ta’ investiment ta’ aktar minn tnejn u ħamsin miljun ewro, bejn l-2017 u l-2023, għenna ’l fuq minn 1,300 familja jsiru sidien ta’ djarhom. Madwar familja kull jumejn saret sid ta’ darha għall-ewwel darba.”
Ministru Roderick Galdes
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru semma pataflun ta’ benefiċċji u skemi li għamel Gvern Laburista relatati mal-qasam, fosthom il-benefiċċju tal-kera biex aktar nies ikunu eliġibbli għalih, ġie miżjud l-ammont massimu tad-dħul annwali b’elf ewro.
Dwar l-iskema tal-first time buyers, il-Ministru qal kif s’issa diġà ntlaqgħu aktar minn erbat elef u tmin mitt applikazzjoni u fil-jiem li ġejjin mistennija jiġu milqugħin 463 applikazzjoni oħra.
Il-Ministru tenna li b’rabta mal-akkomodazzjoni soċjali ġew allokati 465 unit ta’ akkomodazzjoni soċjali għall-familji fl-Imsida, fis-Siġġiewi, f’Bormla, fil-Qrendi, f’Ħaż-Żebbuġ, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Luqa u oħrajn.
Il-Ministru semma wkoll il-proġett tas-sit f’Ħal Farruġ ta’ madwar 10,000 metru kwadru, b’investiment ta’ madwar €40 miljun, li se jinkludi mal-267 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali u madwar 300 garaxx u spazji għall-karozzi.
Sadanittant ġie spjegat li l-Awtorità tad-Djar irkuprat 228 ċavetta bejn l-2022 u l-2023, kif ukoll 192 ċavetta din is-sena wara investigazzjonijiet ta’ allegat abbuż u proprjetajiet mhux utilizzati.
Hawnekk semma wkoll kif permezz tas-sussidju tal-kera ta’ qabel l-1995, 2,141 persuna setgħet tibqa’ tirrisjedi fir-residenza tagħha.
Il-Ministru temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ċar li se jibqgħu jħarsu l-bżonnijiet tal-poplu Malti f’dan is-settur importanti.
Tenna li dik hi d-differenza, fejn in-nies illum jafu fejn qegħdin mal-Gvern Laburista, iżda, bil-maqlub, mingħand l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadu ma sema’ xejn.