Ħamsa u tmenin skola minn madwar Malta u Għawdex ġew ippremjati għall-kisbiet tagħhom biex iressqu lit-tfal aktar viċin in-natura permezz tal-programm Dinja Waħda immexxi mill-għaqda BirdLife.
Waqt iċ-ċerimonja, Charles Azzopardi, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Bank of Valletta sostna kif dan huwa programm imprezzabbli, hekk kif l-aktar mezz effiċjenti sabiex nikkumbattu l-isfidi ambjentali, huwa l-edukazzjoni.
Fil-fatt intqal kif Dinja Waħda ilu għaddej mas-sebgħa u għoxrin sena, u b’hekk persuni li ħadu sehem f’dan il-premju bħala studenti fl-imgħoddi, issa jistgħu ikunu qed jieħdu sehem fih bħala għalliema.
Il-President tal-BirdLife, Darryl Grima, stqarr li fil-bidu ta’ Dinja waħda, il-mira kienet li titwassal l-edukazzjoni fl-iskejjel.
Qal li issa, l-impenn ta’ BirdLife huwa li tinbena relazzjoni bejn il-ġenerazjoni t’ għada u n-natura: “In-nies irrealizzaw l-importanza li jmorru fin-natura u li jkollhom konnessjoni man-natura. U għalhekk kien grazzi għal Dinja Waħda li aħna trasformajnieha, biex inżidu l-kuntatt tan-nies man-natura, għaliex hija importantissima għall-edukazzjoni tat-tfal u għall-ġenerazzjoni l-ġdida li tapprezza n-natura.”
Stefania Papadopol, il-Manager tal-Edukazzjoni fi ħdan il-BirdLife stqarret li dan il-programm iqajjem aktar għarfien ambjentali u ħeġġet lill-iskejjel jissieħbu f’Dinja Waħda: “It has more activities, it’s yearly based and has specific targets linked with the curriculum and all activities focus on action, hands-on activities to make an improvement on the school grounds, it’s emotional because it makes children feel and care more for nature, and it also brings knowledge.”
Ritratt: BirdLife