Ħamsa u tmenin student ingħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom bħala psikosoċjologi.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem ingħataw 40 warrant lill-counsellors u 45 warrant oħra lill-istudenti li temmew b’suċċess il-kors Universitarju tal-psikoterapija.
Dawn iċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni saru f’żewġ okkażjonijiet differenti, b’dawn il-warrants jiġu ppreżentati mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Il-Ministru Falzon esprima messaġġ waħdieni fiż-żewġ ċerimonji ta’ gradwazzjoni u enfasizza l-importanza li, flimkien, ikomplu jaħdmu u jilqgħu għal realtajiet soċjali ġodda, li jeħtieġu direzzjoni, empatija u, fuq kollox, għajnuna mifruxa fuq tul ta’ żmien.
“Dan hu ministeru li nemmnu fid-diversi professjonsti, nemmnu li hemm bżonn ta’ dawn il-persuni, dejjem konna hemm u se nibqgħu hemmhekk biex naraw li jkollna l-aqwa professjonijiet possibbli biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-qasam soċjali ta’ pajjiżna.”
Sadanittant, għall-ewwel darba, ingħataw 20 ċertifikat lil counselling supervisors biex ikompli jissaħħaħ il-livell ta’ terapija offruta. Din it-tip ta’ superviżjoni hi forma ta’ sapport u gwida għall-counsellors u tiżgura li x-xogħol kollu jsir fi prattiċi etiċi u jinkoraġġixxi tkabbir professjonali u aktar ħiliet fix-xogħol.
Fl-istess waqt, 45 psikoterapista ngħataw warrant biex b’hekk ikomplu jsaħħu din il-professjoni. B’kollox issa hemm 383 psikoterapista li qegħdin jipprattikaw din il-professjoni f’pajjiżna.