85 mara applikaw biex jieħdu sehem fil-programm LEAD. Programm li nieda l-Partit Laburista fl-aħħar xhur bil-għan li jgħin biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika.
Il-programm hu maħsub biex iħejji bl-aqwa mod lill-parteċipanti biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja politika. Dan bil-għan li l-Partit Laburista jsaħħaħ il-preżenza femminili fil-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet fil-livelli kollha tal-politika.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, koordinatur ta’ dan il-programm, qalet li l-Partit Laburista huwa sodisfatt bl-interess f’LEAD. Fil-fatt dan huwa interess li qabeż kull aspettativa u n-nisa li applikaw ġejjin minn kull sfera tal-ħajja u l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 16 sa 62 sena.
“Il-maġġoranza assoluta m’għandhom ebda esperjenza politika u għalhekk inħarsu ‘l quddiem biex dawn in-nisa jibdew jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika Maltija f’isem il-Partit Laburista,” qalet Dalli.
Dalli fissret li l-programm juri wkoll li fil-mument huwa l-Partit Laburista il-partit iffokat biex ikompli jibdel u jtejjeb l-affarijiet.
Il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, żied ma’ dan u qal: “Ir-rebħa elettorali ta’ Ġunju li għadda ma kinetx il-punt tal-wasla u immedjatament wara dak ir-riżultat b’saħħtu ssoktajna bil-ħidma biex niġġeddu u nifirxu kemm nistgħu l-parteċipazzjoni fil-Partit Laburista u l-moviment imdawwar miegħu. Mhux l-inqas il-parteċipazzjoni femminili li f’dawn l-aħħar snin ma kinetx dik mixtieqa.”