Minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, bejn l-2018 u l-2020 kienu 843 l-impriżi rreġistrati u attivi f’Malta li jħaddmu għaxra min-nies jew aktar li komplew jinvestu fl-innovazzjoni. Fl-2020, dawn l-impriżi bejniethom nefqu €178 miljun fuq innovazzjoni.
Skont stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, mir-riżultati tal-aħħar Stħarriġ Komunitarju dwar l-Innovazzjoni joħroġ li kważi tnax fil-mija (11.9%) tal-impriżi introduċew innovazzjonijiet li naqqsu l-użu tal-enerġija jew l-impronta tal-karbonju tagħhom. Fl-istess waqt, aktar min għaxra fil-mija (10.3%) tal-impriżi ħadu inizjattivi biex jirriċiklaw l-iskart, l-ilma, jew materjali biex jużawhom huma stess jew biex ibigħuhom.
L-impriżi li l-aktar li nefqu fuq l-innovazzjoni kienu fl-oqsma tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, tal-manifattura, u tal-attivitajiet finanzarji u tal-assigurazzjoni.
Mill-istħarriġ irriżulta wkoll li ftit aktar min sbatax fil-mija (17.1%) tal-impriżi innovattivi indikaw li kellhom mill-inqas ftehim wieħed ta’ koperazzjoni ma’ impriżi jew organizzazzjonijiet oħrajn.