Il-Gvern ta’ Tonga qal li erbgħa u tmenin fil-mija tal-popolazzjoni tal-pajjiż, li tgħodd għal madwar mija u ħamest elef persuna, ġiet affettwata mill-irmied tal-vulkan u t-tsunami kkawżat mill-iżbroff tal-istess vulkan taħt il-baħar.
Il-ġimgħa l-oħra, mewġ qawwi ta’ tsunami għerreq lil Tonga u kkawża diżastru totali ta’ numru ta’ villaġġi, binjiet u anki l-kosta.
Il-Gvern ma rrapporta l-ebda mwiet oħra apparti t-tliet persuni li mietu fit-tsunami.
Aktar minn għoxrin persuna ndarbu, l-iktar fil-gżira ta’ Nomuka.
It-tliet vittmi ġew identifikati bħala mara ta’ disgħa u erbgħin sena minn Nomuka, raġel ta’ ħamsa u sittin sena minn Mango u Ingliża ta’ ħamsin sena.