Ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit għal din is-sena hi ta’ 84%. Dan joħroġ mill-pubblikazzjoni ‘It-Twettiq tal-Baġit’ mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana f’laqgħa mal-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana.
Din il-figura, li għoliet bi 3% fuq is-sena l-oħra, tkompli turi kunfidenza fl-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena d-dieħla hekk kif is-Servizz Pubbliku jibqa’ l-id il-leminija u amministrattiva tal-Gvern.
Dan fl-istess ħin li l-Ministeru għall-Finanzi għaddej bl-aħħar ħidma biex il-Baġit 2025 jitressaq fil-Parlament nhar it-Tnejn 28 ta’ Ottubru.
Stqarrija mill-uffiċċju tal-Kap tas-Servizz Pubbliku spjegat kif, fil-baġit għal din is-sena, ġew ippreżentati 423 miżuri u, għalkemm din kienet qabża ta’ kważi mitt miżura iżjed mis-sena ta’ qabel, ir-rata ta’ twettiq reġgħet tjiebet.
Intqal li fost il-miżuri, li twettqu, hemm it-tlestija tal-iskola fl-Imsida, li hi l-ewwel skola kompletament carbon neutral, l-għotja ta’ €500 lil kull familja fejn l-ulied ikomplu bl-edukazzjoni wara li jagħlqu s-16-il sena, investiment qawwi fis-settur tas-saħħa, inkluż b’żieda fil-mediċini b’xejn, rinnovar ta’ aktar ċentri tas-saħħa u ftehim kollettiv ġdid għall-għalliema.
Il-Ministru għall-Finanzi sostna li l-andament ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna jpoġġi lill-Gvern f’pożizzjoni li jwassal baġit ieħor pożittiv, li jgawdu minnu l-Maltin u l-Għawdxin kollha, filwaqt li jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku.