Erbgħa u tmenin fil-mija tal-każi kollha li nfetħu mal-Fondazzjoni għas-Servizzi u l-Ħarsien Soċjali fis-sena 2022 saru minn Maltin.
Dawn il-każi mill-Maltin saru fil-maġġoranza tagħhom minn nisa, filwaqt li dawk miftuħin mill-barranin, huma l-maġġoranza tagħhom miftuħa mill-irġiel.
Rapport, li ġie ppubblikat riċentament mill-istess Fondazzjoni, bl-isem ta’ ‘Nationalities in contact with FSWS services: Cases opened in 2022’, juri kif fil-każ tal-barranin, l-aktar każi li nfetħu kienu minn persuni mir-Renju Unit, li llum hu meqjus pajjiż terz.
Isegwuhom persuni mis-Sirja, l-Italja, is-Somalja u l-Ukrajna, bil-maġġoranza tagħhom ikunu mill-Ewropa.
Jirriżulta li, fis-sena 2022, infetħu għaxart elef, tliet mija u dsatax-il każ, bi tnaqqis fuq is-sena ta’ qabel, hekk kif fl-2021, ġew irreġistrati għaxart elef, sitt mija u disgħa u tmenin.
Dan l-istudju jixhed ukoll, li filwaqt li l-każi miftuħa mill-barranin żdiedu, dawk mill-Maltin naqsu, anke grazzi għal diversi għajnuniet u servizzi li jingħataw mill-fondazzjoni u benefiċċji oħrajn bħala parti mix-xibka soċjali offruta mill-Gvern, li baqgħet titjieb fl-aħħar snin.
Dan hekk kif il-persentaġġ ta’ Maltin, fl-2021, kien ta’ 78%, b’kuntrast għal 75% irreġistrati fl-2022.