Ix-xamma ta’ Stan il-kelb tad-Dwana waslet għal sejba ta’ 84 ġlud tal-għasafar. Dawn instabu waqt tfittxija ta’ rutina li ssir minn uffiċjali tad-Dwana fit-taqsima tat-tqassim tal-pakketti u l-ittri fil-posta.
Fi stqarrija d-Dwana Maltija spjegat li waqt dawn it-tfittxijiet, il-kelb wera interess partikolari f’pakkett, fejn eventwalment instab li fih kien hemm il-ġlud biex jiġu trasferiti fis-sistema tal-posta.
Uffiċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ġew infurmati b’din is-sejba, u l-ġlud qed jinżammu mid-Dwana hekk kif għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet.