Kmieni l-Ħamis filgħodu, uffiċjali tad-dwana qabdu 8,220 sigarett tal-kuntrabandu f’bar u garaxx f’Ħaż-Żabbar. Stqarrija mid-dwana Maltija qalet kif il-qabda waslet wara xhur ta’ sorveljanza li ntemmu bi spezzjoni fl-istabiliment, fil-garaxx u l-karozza tas-sid. L-uffiċjali tad-dwana kienu assistiti wkoll mill-pulizija mill-għassa ta’ Ħaż-Żabbar f’din l-operazzjoni. Fl-aħħar jiem, id-dwana kkonfiskat madwar 15,500 sigarett tal-kuntrabandu f’erba’ każijiet differenti.
L-istqarrija temmet tgħid li sabiex il-każ jinqata’ barra mill-Qorti dak li jkun biegħ jew ikkonsma sigaretti tal-kuntrabandu ikollu jħallas multa ta’ mhux inqas minn 1,500 filwaqt li l-penali tal-qorti ivarjaw minn 3,500 ewro sa massimu ta’ 25,000 ewro.