82 triq mill-120 li saret sejħa għalihom biex isir xogħol fuqhom bdew jaraw xogħol intensiv fuqhom u b’hekk qed jiġu rranġati.
F’Santa Venera fejn żar ix-xogħlijiet il-Ministru responsabbli mill-infrastruttura Ian Borg ħabbar li nofs minn ftit aktar minn tmenin triq li beda x-xogħol fuqhom tlestew u oħrajn imminentament se jkunu lesti fosthom Triq Brighella, Triq San Ġorġ u Triq Kardinal Sciberras.
Dawn it-toroq se jitlestew fil-ħin qabel il-festa ta’ Santa Venera.
Il-Ministru Borg stqarr li dawn it-toroq huma parti mis-sejħa li kienet saret lejn tmiem is-sena li għaddiet b’investiment ta’ 53.5 miljun ewro.
Stqarr li issa ħarġet is-sejħa għal 170 triq oħra biex ikun parti mill-investiment massiċċ li qed jagħmel il-Gvern fit-toroq tal-pajjiż fuq medda ta’ seba’ snin.
“Aħna m’għandniex relazzjoni bejn il-ħidma infrastrutturali u l-impenji elettorali”, saħaq il-Ministru Ian Borg.
Spjega kif wara l-elezzjonijiet lokali l-ħidma ma taqta’ xejn issoktat.
Is-Sindku Vendriż Stephen Sultana spjega kif fit-toroq li żar dalgħodu l-Ministru ġew irranġati l-bankini b’fond ta’ għaxar ċentimetri anki jekk oriġinarjament kellhom ikunu tmien ċentimetri.
Qal saru wkoll servizzi taħt l-art.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Silvio Parnis.
“Lill-Kunsilli Lokali ħallejnilhom l-istess fondi imma l-investiment tat-toroq qed joħorġu l-Gvern ċentrali”, saħaq Parnis.
Huwa żied jgħid li b’hekk il-Kunsilli jistgħu jonfqu iżjed flus fil-ħidma komunitarja u soċjali.