Ħmistax ta’ April tal-1942, fl-eqqel tal-attakki kontinwi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Bħal-lum 82 sena, Malta u missirietna ngħataw il-George Cross mir-Re Ġorġ VI tar-Renju Unit.
Pajjiżna ngħata dan il-premju ngħata bħala turija ta’ apprezzament lejn il-poplu Malti u Għawdxi, waqt perjodu ta’ tbatija u tilef bosta minn ħutu, iżda xorta baqa’ kuraġġuż u reżiljenti.
F’Malta, f’nofs il-Mediterran, niżlet xita ta’ bombi mill-qawwiet tal-Assi, jiġifieri dawk Taljani u Ġermaniżi, minħabba l-operazzjoni fl-Afrika ta’ Fuq.
Ix-xahar ta’ April ta’ 82 sena ilu kien wieħed qalil immens, hekk kif matulu ġġarrfu diversi djar u binjiet, speċjalment fin-naħa tal-port.
Bosta Maltin tilfu djarhom, marru jgħixu f’post ieħor u oħrajn saħansitra li tilfu ħajjithom.
Il-George Cross narawh ta’ kuljum fuq il-bandiera Maltija, wara li tpoġġa sena wara fl-1943.
Sentejn ilu, f’għeluq it-tmenin sena minn din il-ġrajja, ir-Reġina Eliżabetta II – ftit xhur qabel ħalliet din id-dinja, bagħtet ittra lill-awtoritajiet f’pajjiżna, fejn tenniet li l-qlubija tal-poplu Malti mhuma se jintesew qatt.