Mijiet ta’ biljetti Go Light tal-Air Malta jistgħu jintrebħu nhar is-Sibt li ġej, is-7 ta’ Ottubru, matul avveniment ta’ ċelebrazzjoni li ser ikun qed isir fi Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema bejn l-10am u s-2pm.
L-avveniment, li ser jinkludi diversi logħob, għandu l-għan li jkompli jintroduċi l-aħħar firxa ta’ prodotti tal-Air Malta lill-pubbliku. Go Light hu noll li fih tista’ ġġorr biss hand luggage u li jibda minn €39 biss one-way. Dan it-tip ta’ noll jagħti lill-mistednin l-opportunità li jivvjaġġaw fuq noll baxx mingħajr ma jkollhom jissagrifikaw il-livell ta’ servizz mistenni minn linja tal-ajru.
Dany Dubenne, li hu responsabbli mill-ġestjoni tad-dħul u tal-prezzijiet tal-linja tal-ajru, qal li l-introduzzjoni tal-prodott il-ġdid tatna pożizzjoni ġdida fis-suq. Kellna żieda ta’ aktar minn 60,000 prenotazzjoni li daħlu f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat. Huwa ċar li ħloqna prodott li verament jolqot lill-vjaġġatur, bi prezz baxx u flessibbli li wieħed jew waħda jista’ jżid servizzi bħal bagalji u l-għażla tas-seat kif jixtieq hu.
L-għażliet tal-prodott il-ġdid Go Light huma diversi u wieħed mhux biss jista’ jixtri bagalji u servizzi anċillari waqt il-fażi tal-prenotazzjoni fuq www.airmalta.com, iżda l-mistednin jistgħu jixtru dawn is-servizzi fi stadju iktar tard qabel it-tluq miċ-ċentru telefoniku tal-linja tal-ajru jew fiċ-check-in.
Aktar informazzjoni dwar Go Light hi disponibbli fuq www.airmalta.com/letsgolight-mt jew billi ċċempel iċ-Ċentru Telefoniku tal-Air Malta fuq +356 21662211 jew mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mingħand kwalunkwe aġent tal-ivvjaġġar.