Sal-lum twettqu 81% tal-miżuri tal-baġit għal din is-sena. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-baġit attwali fejn tnediet l-aħħar pubblikazzjoni mis-sensiela bl-isem “It-Twettiq tal-Baġit”.
Waqt din il-konferenza, li għaliha kienu preżenti wkoll is-Segretarji Permanenti fi ħdan il-Ministeri, ġie varat dokument għat-twettiq tal-baġit għad-disa’ sena konsekuttiva.
Ġie spjegat kif kull xahar issir evalwazzjoni, dwar liema miżuri ġew imwettqa, saħansitra miżuri minn baġits preċedenti biex jiġi żgurat li ebda miżura ma tintilef.
Ċerti miżuri, li minħabba n-natura tagħhom ma jiġux implimentati dik is-sena, jibqgħu jiġu segwiti sa ma jitwettqu.
Sar aċċenn ukoll għat-taħditiet li jsiru mal-istakeholders, filwaqt li din l-analiżi qed issir b’mod aktar effiċjenti, permezz ta’ dejta fuq evidenza u teknoloġija ġdida, u tiġdid kontinwu għal servizz aktar kontabbli.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, spjega kif dan id-dokument jagħti xhieda ta’ kemm sar xogħol mill-amministrazzjoni pubblika, l-aġenziji u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeri.
“Ta ħarsa lejn il-miżuri li twettqu u saru matul din is-sena minn dawn il-miżuri, li ħarġu fil-baġit li għadda. Nikkonfermaw li 81% tal-miżuri twettqu. Dan jindika x-xogħol li għaddej fis-Servizz Pubbliku u l-aġenzija u l-entitajiet tagħhom.”
Żied jgħid li r-rendikont tal-miżuri tal-baġit hu essenzjali għal aktar trasparenza, filwaqt li spjega kif dan il-proċess jibda mill-għada tal-baġit stess, meta d-diskors tal-baġit jitqassam f’miżuri, li imbagħad jibdew jiġu mmoniterjati.
Il-Kap taċ-Ċivil qal li, minbarra ċ-ċifra pożittiva, dawn il-miżuri kienu miżuri b’impatt dirett fuq in-nies. Hu aċċenna għal investimenti li saru f’diversi oqsma, fosthom fil-qasam sportiv, il-qasam soċjali, kif ukoll sistemi aħjar tas-Servizz Pubbliku.
Mill-aspett soċjali, elenka t-titjib li sar tul din l-aħħar sena, fosthom titjib fil-pensjonijiet, il-benefiċċju tal-In-Work Benefit, żidiet fiċ-Children’s Allowance u l-benefiċċji għall-persuni b’diżabilità.
Dan fl-isfond tal-impenn biex titnaqqas id-dipendenza minn fuq dawn il-benefiċċji.
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, ħares ’il quddiem ukoll lejn il-baġit għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej. Hu elenka għal diversi sfidi globali, fosthom gwerer, pandemija u l-inflazzjoni.
Qal li, minkejja dawn l-isfidi, pajjiżna u l-qagħda fiskali tiegħu se jibqgħu b’saħħithom, tant li dan il-baġit se jkun l-għira ta’ ħafna pajjiżi. Dan il-baġit soċjali mistenni li jkompli jipproteġi lin-nies biex l-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin jibqa’ jitjieb, filwaqt li joffri serħan il-moħħ.
Hu maħdum b’tali mod li jaħseb ukoll għal ġenerazzjonijiet t’għada.
Elenka wkoll għall-għajnuna fis-sussidji, li tammonta għal tliet mija u ħamsin miljun ewro.
“Il-ħidma ta’ dan il-Gvern, apparti li tilqa’ l-isfidi li ġejjin minn pajjiżna, taħseb ukoll biex ikun hemm biżżejjed riżorsi ħalli dan il-pajjiż ikompli jipprovdi edukazzjoni ta’ kwalità, servizz tas-saħħa mill-aqwa, imma iżjed minn hekk ukoll, inkomplu naraw li l-pajjiż ikollu r-riżorsi meħtieġa ħalli l-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi jkompli jitjieb minn sena għall-oħra.”
Sadanittant wieħed jista’ jsib dan id-dokument fuq is-sit uffiċjali servizzpubbliku.gov.mt f’format aktar sempliċi biex ikun jista’ jinftiehem faċilment.