Aktar minn wieħed u tmenin fil-mija tal-miżuri elettorali ta’ din il-leġiżlatura relatati mal-gżira Għawdxija, ġew implimentati jew jinsabu fil-proċess li jitwettqu.
Dan tħabbar mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-manifest elettorali u mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex, il-Ministru Carmelo Abela spjega li fil-manifest elettorali hemm tmienja u erbgħin miżura dwar Għawdex, li tqassmu ma’ tmien ministeri.
Qal, “Tmien Ministeri li għandhom proposti elettorali favur Għawdex, wettqu aktar minn 81% tal-proposti elettorali u l-Ministeru t’Għawdex innifsu, il-proposti li jaqgħu direttament taħt ir-responsabilità u aktar minn 83%. Dan juri biċ-ċar li mhux biss dan il-Gvern huwa accountable għall-proposti elettorali, imma li dan il-Gvern huwa determinat li jkompli jagħmel il-ġid lill-poplu u lill-gżira Għawdxija.”
Uħud minn dawn il-miżuri jinkludu l-benefiċċji li qed jieħdu l-ħaddiema, l-istudenti u Għawdxin li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer bil-fast ferry.
Sar ukoll tisħiħ fil-konnettività permezz tat-tieni fibre-optic link, l-investiment fl-isptarijiet Għawdxin u fil-kura tas-saħħa.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri elenka diversi proġetti infrastrutturali li qed isiru fosthom il-bini mill-ġdid ta’ numru ta’ toroq madwar il-gżira tat-tliet għoljiet.
Il-Ministru qal kif hemm aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, permezz ta’ numru ta’ skemi, fosthom tat-teleworking, kampanji nazzjonali ta’ reklamar għal Għawdex u t-twaqqif tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex.
Spjega, “Proprju issa tul l-aħħar xhur ta’ din il-leġislatura ser inkomplu naħdmu sabiex inkomplu nwettqu u nħarsu ’l quddiem ukoll għaż-żmien li ġej b’aktar pożittività u b’aktar xogħol.”