Wieħed u tmenin fil-mija tal-istabbilimenti tal-ikel jemmnu li l-vouchers li se jagħti l-Gvern b’investiment ta’ ħamsin miljun ewro, huma kruċjali biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lis-settur.
Fi stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel, l-ACE, ġimgħa wara l-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti, ħareġ kif aktar min-nofs l-istabbilimenti li ħadu sehem, marru ferm aħjar mis-sena l-oħra meta kienu reġgħu fetħu wara ġimgħat magħluqin.
Fil-fatt, uħud mis-sidien qalu li kellhom bejgħ tliet darbiet iktar minn dak tas-sena li għaddiet wara li reġgħu fetħu.
Fil-perjodu li kienu magħluqin, wieħed u tletin fil-mija tal-istabbilimenti m’offrewx servizz ta’ delivery.
Tlieta u tletin fil-mija ta’ dawk li offrew id-delivery qalu li l-bejgħ kien agħar mis-sena l-oħra minħabba żieda fil-kompetizzjoni, filwaqt li erbgħa u għoxrin fil-mija oħra qalu li marru aħjar.
Tlieta u tmenin fil-mija tal-istabbilimenti li ħadu sehem fl-istħarriġ jemmnu li saħansitra se jmorru aħjar meta jiftħu għall-ikla ta’ filgħaxija mit-Tnejn li ġej, u jinsabu ottimisti ħafna għax-xhur li ġejjin.
Aktar min-nofs is-sidien qed iħarsu b’mod pożittiv lejn it-tieni nofs tas-sena, filwaqt li hemm oħrajn li qed jaħsbu li hemm bżonn madwar sentejn biex tkun irkuprata l-ħsara li saret minħabba l-pandemija.
Fi stqarrija tal-Assoċjazzjoni, ingħad li s-sentiment ġenerali minn dawk kollha li ħadu sehem huwa dak ta’ ottimiżmu għalkemm irrimarkaw li l-istabbilimenti fis-settur ma jifilħux jerġgħu jagħlqu.
L-Assoċjazzjoni appellat lill-pubbliku biex jikkoopera mas-sidien tar-ristoranti u l-miżuri li hemm fis-seħħ għall-benefiċċju ta’ kulħadd.