L-1942, propju 81 sena ilu, tibqa’ magħrufa bħala s-sena meta Malta kienet għaddejja mit-tieni assedju, hekk kif il-forzi tal-Assi attakkaw mill-ajru lil pajjiżna, lejl u nhar.
Minħabba l-irwol fundamentali li kellu pajjiżna u r-riżorsi li kienu qed jonqsu, kien essenzjali li l-forzi Brittaniċi jipprovdulna l-provvisti ta’ ikel u affarijiet bażiċi oħrajn.
F’Marzu u f’Ġunju ta’ dik is-sena fallew it-tentattivi tal-Ingliżi li jġibu l-provvisti lejn pajjiżna.
Dak iż-żmien, il-poplu Malti beda jgħix fix-xelters, waqt li l-ikel kien skars tant li l-poplu kien kostrett ikampa bir-ration, minn dak li kienet tipprovdi l-Victory Kitchen.
Malta kienet lesta li ċċedi, jekk ma tasal l-ebda provvista sa Settembru. Anki fuel bilkemm kien fadal għall-ajurplani biex jirritaljaw għall-attakki tal-għadu.
Fl-aħħar ta’ Lulju ta’ dik is-sena, l-Ingliżi bdew jippjanaw li jibgħatu l-akbar konvoj, li jinkludi 14-il bastiment merkantili. Minn dawn il-bastimenti, f’nofs ix-xahar ta’ Awwissu daħlu ħames bastimenti.
Tlieta mill-vapuri daħlu fostna fit-13 ta’ Awwissu, ieħor li ħa rotta differenti daħal l-għada, fl-14 ta’ Awwissu, waqt li dakinhar ta’ Santa Marija ddaħħal miġbud nofsu mgħarraq il-bastiment SS Ohio. Dan fisser manna mis-sema għall-poplu Malti.
Kien għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu, meta fil-Port il-Kbir feġġ l-Ohio, li kien l-akbar tanker misluf mill-Amerikani biex iġorr mal-10,000 tunnellata ta’ fuel, li kellhom bżonn l-ajruplani.
Lorenzo Attard mill-Birgu kien ħa r-riskju u daħħal dan il-bastiment fil-port, li kienu nofsu mgħarraq minħabba l-attakki li ntlaqat minnhom u biż-żejt kollu abbord li għamlu bħal bomba fuq il-baħar.
L-istoriċi qisu din il-ġrajja storika tal-15 ta’ Awwissu tal-1942 bħala żvolta fid-destin tal-pajjiż u eventwalment tal-gwerra, hekk kif il-forzi Alleati kellhom biżżejjed riżorsi biex joperaw.
Dakinhar, il-Maltin marru f’kull rokna tal-Port il-Kbir biex isellmu l-wasla tal-bastiment fl-isfond ta’ kant u d-daqq tal-kanzunetta ‘Rule Britannia’.
Malta kienet fit-tarf li ċċedi, iżda din il-wasla bil-provvisti fissret nifs qawwi ta’ tama u kuraġġ, waqt li wriet il-qlubija tal-poplu Malti u Għawdxi.
Ritratt: Arkivju Mużew tal-Avjazzjoni