Madwar 80,000 persuna imlew it-toroq Beltin is-Sibt filgħaxija, għal edizzjoni oħra tan-Notte Bianca, fejn il-kapitali Maltija, kull sena, tiddawwal bl-isbaħ ilwien, l-aqwa mużika u diversi prestazzjonijiet, għall-gost ta’ kulħadd.
Diversi postijiet, kienu miftuħa għall-pubbliku, fejn fost l-oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia laqgħu ukoll lill-persuni li żaru l-Berġa ta’ Kastilja.
Il-Kamra tad-Deputati wkoll fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku, li ġie milqugħ mill-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, li tkellem ukoll dwar l-istorja tal-Parlament, l-irwol tal-Parlament f’sistema demokratika u l-ħidma li ssir mill-Membri Parlamentari.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr kif b’ ‘il fuq minn 60 avveniment artistiku u bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 250 artist, din is-serata kienet ta’ suċċess, hekk kif irnexxielha tolqot il-gosti ta’ kulħadd.
Qal, “Notte Bianca hija attività mimlija kuluri, mimlija attività, mimlija arti, mimlija talent, ta’ ħafna artisti Maltin u anke barranin li jingħaqdu magħna biex jiftħu l-bibien, ta’ din il-belt tant sabiħa li għandna fil-belt Valletta u jimlewha b’espressjonijiet kreattivi mill-isbaħ.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-organizzaturi li għal darb’oħra trasformaw il-Belt Kapitali f’festa artistika, filwaqt li ingħatat l-opportunità lill-artisti lokali jaqsmu t-talenti tagħhom mal-pubbliku.
Qalet, “Proset lill-organizzaturi, li għal darb’oħra trasformaw il-belt Valletta f’festa artistika kulturali filwaqt li taw l-opportunità lill-artisti lokali jesponu t-talenti tagħhom.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li jħares ‘il quddiem għal aktar avvenimenti ta’ din ix-xorta, fosthom Notte Bianca, is-sena d-dieħla għas-Sibt 5 t’Ottubru 2024.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius tenna li Notte Bianca hija l-akbar festival li torganizza Festivals Malta, b’diversi proġetti li jseħħu f’lejla waħda. Fakkar ukoll kif din is-sena Notte Bianca ġiet imsemmija bħala waħda mill-Jum Wirt Ewropej.
Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Antoine Farrugia qal li din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca kienet speċjali, anke minħabba r-rekord ta’ prestazzjonijiet li saru.