Fil-ġibjun navali f’Ħal Luqa ġie varat ktieb dwar l-istorja tal-ilma, bit-titlu ‘8,000 Years of Water’.
Dan il-ktieb jinkludi l-istorja tal-ilma f’pajjiżna, mill-preistorja sal-lum il-ġurnata, u jitfa’ dawl fuq dak li għamlu missirijietna fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma.
ONE News tkellem mal-editur ta’ din il-pubblikazzjoni, Steven Zerafa, li spjega li huwa maqsum f’sittax-il kapitlu li jinkorporaw epoki differenti fl-istorja ta’ pajjiżna.
“Hemm ukoll kapitli interessanti ħafna, preżempju l-ilma u l-ilsien Malti, bħal pereżempju l-kliem “għajn”, u hemm ukoll kaptilu fuq l-istorja tad-dranaġġ f’Malta, l-istorja tan-New Water.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, qal li dan il-ktieb huwa vetrina tal-istorja tal-ilma f’pajjiżna.
“Vetrina tax-xogħlijiet li wettqu missirijietna sal-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma llum il-ġurnata. Iż-żminijiet illum inbidlu u apparti li nipproduċu l-ilma, qed niżġuraw li nipproduċu l-ilma bl-aktar mod effiċjenti.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-qasam tal-ilma, Miriam Dalli, li qalet li l-ilma huwa riżorsa importanti f’pajjiżna. Hija tkellmet dwar il-viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam.
“Li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-ilma biex ikollna ilma ta’ kwalità li jasal għand in-nies, li nkomplu nsaħħu d-distribuzzjonijiet u anki l-produzzjoni tal-ilma, fl-istess ħin naraw li nkunu li proattivi fil-proċessi tagħna. L-istess kif qegħdin nagħmlu bħalissa permezz tan-New Water, fejn inti l-ilma tad-dranaġġ fejn qiegħed jiġi msoffi, u mbagħad ikun jista’ jasal għand il-bdiewa tagħna.”
Il-ktieb ‘8,000 Years of Water’ se jkun għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba u l-flus se jmorru għall-Community Chest Fund.