Madwar 800 tifel u tifla minn 10 skejjel differenti, inġabru fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun fejn iddedikaw il-jum tal-Ġimgħa għall-isport.
Bl-għajnuna ta’ tletin għalliem tal-eżerċizzju fiżiku, u s-sorveljanza ta’ għexieren ta’ għalliema oħrajn, it-tfal ħadu sehem f’eżerċizzji ta’ dixxiplini sportivi differenti, f’attività li ssir darba f’sena u li tagħti imbuttatura lill-isport fir-Reġjun taċ-Ċentru ta’ Malta.
L-uffiċjal edukattiv Marvin Spiteri tenna l-importanza tal-attività fiżika, u qal li qed issir ħidma bla preċedent biex l-isport jiġi xprunat fl-iskejjel biex naslu f’punt fejn kuljum issir xi tip ta’ attività fiżika.
“Iktar qed inħarsu lejn l-element ta’ parteċipazzjoni milli l-element kompetittiv. Xorta nagħmlu attivitajiet fejn ikun hemm kompetizzjoni, però jidhrilna anki mill-ammonti ta’ tfal li hemm fl-iskejjel, li jkun ta’ iktar benefiċċju li jkollna ħafna tfal li qed jieħdu sehem, imbagħad ħalli jkun hemm minnhom li l-isport jeħduh b’aktar serjetà f’dixxiplini differenti”, stqarr Spiteri.
Dan il-messaġġ jidher li qed jasal sew għand it-tfal, b’uħud irrikonoxxew mhux biss l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku, iżda wkoll l-inklussività waqt il-ħin tal-iskola.
Waqt l-attività, il-President ta’ Malta George Vella kellu ċ-ċans jiltaqa’ u jitkellem maċ-ċkejknin, b’bosta esprimew miegħu x-xewqa li attività bħal din issir iktar ta’ spiss.