Minkejja li għaddew aktar minn mitt sena mindu terremot qawwi laqat lil Malta li wassal għal diversi ħsarat fid-djar tal-familji Maltin, dan ma jfissirx li dan il-fenomenu naturali qatt ma jista’ jerġa’ jolqot lill-pajjiżna. Hekk saħqet ma’ One News Pauline Galea, il-Kap tad-Dipartiment tal-Geosciences fl-Università ta’ Malta waqt it-tnedija tas-36 edizzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Kummisjoni Ewropea Siżmoloġika li qed tlaqa’ f’Malta madwar 800 siżmologu minn madwar 60 pajjiż fid-dinja.Galea qalet kif “bħala terremoti fil-passat nafu li kien hemm terremoti. Mhux neċessarjament fuq Malta, imma anke fuq Sqallija u l-Greċja li għamlu diversi ħsarat. Ilna ma nħossu wieħed li għamel xi ħsara, forsi madwar mitt sena, imma dan ma jfissirx li dan mhux se jiġri. Irridu nkunu dejjem ippreparati u nibqgħu nistudjaw biex naraw x’qed jiġri madwarna u kif jista’ jaffettwa l-gżejjer Maltin.”
Il-Professur Galea qalet li l-qagħda ġeografika ta’ Malta tesponiha għal dawn it-tip ta’ fenomeni naturali. Dan hekk kif il-Mediterran huwa attiv ħafna f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ terremoti; xhieda ta’ dan hemm każijiet li seħħew fi Sqallija u l-Greċja.
Għal dan il-għan, id-Dipartiment tal-GeoSciences fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta bil-għajnuna ta’ grupp ta’ riċerkaturi li jagħmlu moniteraġġ siżmoloġiku jieħdu ħsieb li jkunu aġġornati bl-aħħar studji sabiex b’hekk f’każ li jfeġġ terremot fi gżiritna, pajjiżna jkun preparat bl-aqwa mod possibbli.
Huwa għalhekk, li Malta qed tospita għall-ewwel darba din il-konferenza li hija mifruxa fuq medda ta’ ġimgħa sabiex b’hekk jaqsmu flimkien l-aħħar studji u riċerka tagħhom.
Preżenti għat-tnedija ta’ din il-konferenza kien hemm il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca kif ukoll il-Ministru tas-Sigurta Nazzjonali Michael Farrugia.