S’issa fl-2024 inħarġu aktar minn 800 multa minn Transport Malta wara li nstab li kuntratturi kisru l-liġi jew naqsu fl-obbligi tagħhom skont il-permessi li jinħarġulhom waqt xogħlijiet li kienu qed jagħmlu fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Dan joħroġ minn ċifri uffiċjali li rnexxielu jikseb ONE News u li saħansitra jmorru lura sa Ġunju tal-elfejn tlieta u għoxrin. Fil-fatt minn Ġunju sa Diċembru sena ilu kienu nħarġu 760 taħrika.
Sadanittant, din is-sena, l-ammont f’dan it-tip ta’ inforzar baqa’ wieħed b’saħħtu, fejn ix-xahar ta’ April waħdu ra l-aktar taħrikiet b’174.
Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Jean Claude Attard, Senior Manager fit-Taqsima tal-Inforzar ta’ Transport Malta.
Hu spjega l-proċess li minnu toħroġ taħrika fil-konfront ta’ kuntrattur li ma jkunx qed jimxi mal-obbligi tiegħu.
“F’każijiet fejn dawn il-kundizzjonijiet mhux kollha jkunu onorati, min-naħa ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta tinħareġ infringement lill-kuntrattur li jkun qed jaħdem u f’każijiet anke jkollu jżarma. Jiġifieri jekk jiġi rrapportat jew inkella uffiċjal ikun qed idur, jieqaf jiċċekkja l-kundizzjoni u jara li jkun hemm xi ħaġa ta’ periklu, eżempju, dan iwaqqaf ix-xogħlijiet u tinħareġ multa lill-kuntrattur li ma jkunx qed isegwi dawn ir-regoli.”
Attard spjega wkoll uħud mill-obbligi li għandhom jimxu magħhom il-kuntratturi meta jkunu qed iwettqu xogħlijiet li jmissu mat-toroq Maltin.
Fost oħrajn, dawn jinkludu l-bżonn li jkun hemm uffiċjali ta’ Transport Malta f’każ li jingħalqu toroq, speċjalment dawk arterjali. Dan apparti l-obbligu li l-kuntratturi jimxu b’korrettezza mal-permessi maħruġin mill-awtorità.
“Ukoll filgħaxijiet, jiġifieri nafu li ħafna xogħlijiet isiru filgħaxijiet. Irid ikun hemm is-sit tal-kostruzzjoni armat tajjeb bid-dwal fejn jarawh is-sewwieqa u naċċertaw ruħna li mhemmx periklu kemm għas-sewwieqa u kemm għan-nies, li jkunu għaddejjin hemmhekk bil-mixi biex naċċertaw li dawn jistgħu jgħaddu minn dik it-triq mingħajr periklu.”
Attard spjega wkoll kif ivarjaw il-multi li jinħarġu.
“Bħala multi jvarjaw, jiġifieri għandek multi fejn inti qed tagħmel obstruction, għax qed tagħlaq it-triq, imbagħad għandek kundizzjonijiet oħrajn li ma jiġux segwiti fejn il-multi jammontaw anke għal eluf ta’ ewro.”
Sadanittant, Attard iċċara li f’ċerti istanzi jkun hemm bżonn ukoll il-permess tal-kunsill lokali, bl-approvazzjoni ta’ Transport Malta nnifisha. Dan speċjalment meta jkun se jsir xogħol li mhux ħa jmiss it-triq, iżda xorta waħda tirrikjedi li parti minnha tkun magħluqa, fosthom pereżempju għall-ġarr tal-oġġetti.