Madwar tmien mitt manuskritt li jmorru lura għall-aħħar tas-seklu tmintax sa aktar min-nofs is-seklu dsatax, u li jkopru x-xogħlijiet ta’ sittax-il perit, ġew mogħtija lill-Arkivji Nazzjonali.
Din il-kollezzjoni kienet għand il-Perit André Zammit, li skopriha f’dar antika tal-familja f’Ħal Lija, tnejn u tletin sena ilu.
Il-Perit Zammit ħalla din id-dinja sentejn ilu u martu Victoria qalet kif wara l-mewt ta’ żewġha, ikkuntattjat lill-Arkivji Nazzjonali biex tagħtihom din il-kollezzjoni storika.
Qalet, “Hemm ħafna, għax hemm xi 800 manuskritt. Good luck to them, nieħu gost li sabuhom utli u li jkunu utli għal futur ukoll, għal kulħadd.”
Din il-ġabra ta’ manuskritti tirrifletti l-qagħda politika f’pajjiżna, fi żmien meta kien hemm bidla fit-tmexxija bejn il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, il-Franċiżi u anki l-Ingliżi.
Dwar dan tkellimna mal-Arkivista Nazzjonali, Dr Charles Farrugia, li qal kif donazzjoni bħal din tixħet dawl fuq ċertu tip ta’ arkitettura u l-ħidma ta’ diversi periti Maltin.
Qal, “Din hija dokumentazzjoni li torbot ma’ binjiet li ħafna drabi huma binjiet privati, binjiet ġo għelieqi, xi dwejra, xi kamra ġo għalqa, forsi li m’għandiex valur arkittetoniku kbir, pero mbagħad dik l-informazzjoni mill-periti ta’ dak iż-żmien, b’dawk il-qisien kollha, tagħti informazzjoni enormi għal kull min irid jistudja l-arkitettura u kull min irid jistudja l-aspett finanzjarju marbut ma’ dawn il-propretajiet.”
Preżenti għall-preżentazzjoni tal-manuskritti kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici, li saħaq li din l-għotja hija waħda importanti għall-wirt ta’ pajjiżna.