VisitMalta Challenge Malta Triathlon se tittella’ fl-ewwel t’Ottubru tal-2023. Dan tħabbar f’konfernza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li din it-triathlon se titlaq minn Baħar iċ-Ċagħaq, permezz ta’ għawma ta’ madwar 1.9 kilometru, segwita minn rotta bir-roti tul it-triq tal-kosta tas-Salina u Burmarrad. L-aħħar fażi tal-kompetizzjoni tinkludi ġirja ta’ madwar 21 kilometru madwar iż-żoni kostali ta’ San Ġiljan, tas-Sliema, Pjazza Tritoni u l-Belt Valletta. Iċ-chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Gavin Gulia spjega li dan l-avveniment se jġib lejn pajjiżna madwar 800 atleta minn pajjiżi differenti.
“Għal dawn it-tip ta’ events jiġu mijiet ta’ parteċipanti ġewwa pajjizna għall-perjodu ta’ żmien, però jiġu wkoll il-familji tagħhom. Allura dan it-tip ta’ turizmu li qiegħed jikber, ġewwa pajjiżna qed iservi ta’ vejikolu importanti sabiex tkompli tikber l-industrija tat-turiżmu.”
L-għaqda CORSA, li flimkien ma’ Visit Malta, huma l-organizzaturi ta’ dan l-avveniment, se jkunu qed iniedu wkoll kampanja flimkien ma’ Transport Malta favur aktar kuxjenza lejn l-atleti u ċ-ċiklisti fit-triq.
“Qed inwaħħdu tliet dixxiplini f’ambitu ta’ pajjiżna waqt li ħa nagħmlu kampanja ta’ marketing qabel, minħabba t-toroq li ħa jkunu utilizzati waqt dan l-avveniment, biex il-poplu jkun infurmat b’dak li ħa jsir minn ħafna qabel.”
F’dawn l-avveniment u oħrajn simili, il-pubbliku se jkun avżat xahar qabel sabiex ma jiġix ikkawżat traffiku u tiġi aċċertata s-sigurtà tal-parteċipanti.
Minn naħa tagħhom il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima sostnew l-importanza ta’ avveniment bħal dan.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li t-turiżmu sportiv huwa essenzjali għall-versitilita’ u s-sostenibilita’ tat-turiżmu f’kull żmien tas-sena. Huwa żied jgħid li grazzi għal ħidma proattiva tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dan kollu qiegħed jiġi sostnut bi pjanar serju u bil-quddiem biex jiġi assigurat li t-turiżmu lejn pajjiżna jibqa’ sostenibbli għaż-żmien li ġej.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-investiment li qed isir f’dan is-settur kemm dak infrastrutturali, u anke investiment dirett fl-atleti. Huwa esprima ringrazzjament għall-ħidma kollettiva li qed issir f’dan is-settur mhux biss mill-assoċjazzjonijiet sportivi, imma wkoll b’mod kollettiv bejn entitajiet u ministeri oħra.