Tmien mitt anzjan se jkunu jistgħu jgawdu minn titjib fis-servizz tal-Meals on Wheels permezz ta’ kuntratt ġdid li ħa jkun qed isir fil-futur qrib.
Dan is-servizz joffri ikla bnina kuljum lil dawk l-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità iżda jsibuha diffiċli jippreparaw ikla.
Il-menu huwa wieħed varjat għall-erbatax-il jum konsekuttiv u kull anzjan jiġifieri tliet platti ta’ ikel, l-ewwel platt, it-tieni platt u deżerta.
Is-sena l-oħra dan is-servizz ingħata b’investiment ta’ ftit aktar min-nofs miljun ewro.
Il-Manager fiċ-Ċentru Servizz Anzjan, Alexander Vella saħaq magħna kif dan is-servizz ħa jkun qed jitjieb biex l-anzjani jirċievu dejjem l-aħjar ikel.
Qal kif, “Bħalissa spiċċa kuntratt u qegħdin fi proċess fejn qed ħa jkun ippubblikat tender ġdid li se nkunu qegħdin naġġudikaw fil-futur qrib. F’dan il-kuntratt ħa naraw illi ħa jikbru xi ftit il-porzjonijiet, ħa jonqos il-ħin tat-tqassim, jiġifieri qed inħarsu lejn titjib konsiderevoli f’dan is-servizz li aħna bil-qalb nwasslu lill-anzjani tagħna.”
Ma’ ONE News stqarr ukoll li l-ikbar ilment li kellhom l-anzjani kien li l-ikel kien qed idum wisq biex jasal għandhom u b’hekk fil-kuntratt il-ġdid il-ħin tat-tqassim tal-ikel ingħata importanza kbira.
Spjega, “Dħalna fi ftehim addizzjonali mal-kuntrattur fejn żidna xi ftit il-prezz li qegħdin inħallsu sabiex b’hekk jiġi rifless f’titjib fis-servizz f’impjieg ta’ persuna oħra ma’ kull sewwieq biex hekk it-tqassim imur iktar b’mod tajjeb biex ngħid hekk, ikun hemm xi ħadd li jekk weħlu fit-traffiku forsi jista’ jistenna xi daqsxejn l-anzjan jiftaħ il-bieb u t-tqassim isir b’mod aħjar.”
Vella spjegalna wkoll kif l-anzjani għandhom jagħmlu l-għażla tal-ikel.
Qal, “Kif qed tara qed nitkellmu fuq ikla ta’ tliet platti għall-prezz issuddjat ta’ żewġ ewro u għoxrin ċenteżmu għal kull ikla. L-anzjan se jkollu dawn il-karti, waħda għal kuljum li jimtlew min ġimgħa qabel jiġifieri jrid jimmarka liema, starter irid, liema main course jrid u liema deżerta jrid. Dawn jiġbruhom is-sewwieqa stess li jwasslu l-ikliet kuljum lill-anzjan biex il-ġimgħa ta’ wara jekk il-bambin irid jirċievi l-ikliet li jkun xtaq jimmarka.”
Barra minn hekk, dawk li se japplikaw għas-servizz għall-ewwel darba, ħa jkun hemm persuna li se tkun inkarigata biex tikkuntattjahom ħalli jilħqu jagħmlu l-għażliet tal-ikel għall-ewwel ġimgħa.