Il-Ministeru għal Għawdex ikkonferma li tmenin fil-mija tax-xogħlijiet fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur huma lesti. Dawn inkludew il-bini mill-ġdid tat-triq, sistemi ġodda ta’ sigurtà, u l-bini mill-ġdid tal-ħitan.
“Żorna x-xogħlijiet li għadejjin hawnhekk ġewwa Triq l-Imġarr fin-Nadur. Triq li kienet krollat u illum qed tinbena fuq struttura kumplessa fuq it-tafal u rajna li jkollna struttura ta’ triq appropożitu għal dan.”
Partijiet mit-triq kienu jeħtieġu l-kostruzzjoni ta’ structural reinforced friction piles fil-fond ta’ 22 metru u l-kolonni strutturali ta’ fuq, travi u struttura tat-triq rinfurzata.
Il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lill-ħaddiema li anke fl-eqqel tas-sajf qed jibqgħu għaddejjin bix-xogħlijiet f’din it-triq sabiex tkompli titjieb is-sigurtà u l-poplu Għawdxi jkollu t-toroq li jixraq lil din il-gżira.