Studju mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO, sab li 80% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew indirizzati mis-Servizz Pubbliku.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, intqal li r-rapport ġie ppreżentat ilbieraħ mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u d-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri waqt laqgħa mas-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.
L-istqarrija qalet li dawn ir-rapporti jixhdu proċess ċar ta’ serjetà, kontabilità u trasparenza li juru biċ-ċar kemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali u istituzzjonijiet oħra ta’ skrutinju jingħataw importanza mis-Servizz Pubbliku, biex dejjem tkun sostnuta l-governanza b’saħħitha u l-kontabilità.
Dan ikompli jikkonferma wkoll, kompliet l-istqarrija, kemm l-amministrazzjoni pubblika qiegħda kulma tmur tikseb riżultati inkoraġġanti f’dawn it-tip ta’ verifiki, hekk kif qiegħda ssir ukoll prassi li f’numru ta’ verifiki jiġu rrappurtati prattiki tajbin fejn l-Awditur Ġenerali ma jsibx difetti u ma jressaqx rakkomandazzjonijiet għal titjib.
Intant, is-Servizz Pubbliku huwa kommess li jkompli jiffoka fuq il-kontabilità hekk kif din se tkun waħda mill-prinċipji ewlenin li fuqha se tkun imsejsa l-istrateġija ġdida għas-snin li ġejjin.