Tmenin fil-mija tal-istabbilimenti turistiċi Għawdxin ma keċċewx ħaddiema konsegwenza tal-imxija COVID-19. Dan ħareġ minn studju li wettqet l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu fost il-komunità kummerċjali f’Għawdex.
Madankollu, jekk is-sitwazzjoni tal-Coronavirus tibqa’ tippersisti tmintax fil-mija tal-istabbilimenti Għawdxin kkunsidraw li jnaqqsu xi ħaddiema fl-istess waqt ħamsa u tletin fil-mija stqarrew li bi ħsiebhom ikomplu bl-operat tagħhom normali.
Ħamsa u sebgħin fil-mija ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ laqgħu ukoll l-għajnuna li ta’ l-Gvern anki fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika u stqarrew li l-operat tagħhom baqa’ għaddej grazzi għal din l-għajnuna finanzjarja.
Filfatt, sebgħa u tmenin fil-mija qalu li mingħajr l-għajnuna tal-Gvern ma kinux ikunu kapaċi jibqgħu joperaw aktar mix-xahar id-dieħel.
Dan kkonfermah ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazjzoni Joe Muscat.
Muscat stqarr, “Ftit kienu li taw sensji u kien hemm ukoll kummenti favorevoli dwar l-għajnuna li ta l-Gvern lil dawn l-istabbilimenti.”
L-istħarriġ kkonkluda wkoll li sitta u tmenin fil-mija tal-istabbilimenti Għawdxin qed jaċċettaw il-vouchers li l-Gvern qassam lil dawk kollha ‘l fuq minn sittax-il sena.
Wieħed u għoxrin fil-mija minn dawk li jaċċettaw il-vouchers qalu wkoll li bejn 50% u 75% tad-dħul kien mill-vouchers filwaqt li tlieta u għoxrin fil-mija qalu li bejn 25% u 49% nnutaw li bejn kwart u nofs mid-dħul sar mill-vouchers mogħtija mill-Gvern Malti lill-poplu.