Il-maġġoranza tas-sidien tar-ristoranti li huma membri fl-Assoċjazzjoni tal-Catering, qalu li l-vouchers li ta l-Gvern bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, kienu kruċjali biex baqgħu joperaw fl-aħħar xhur.
Fil-fatt, l-Assoċjazzjoni qalet li kważi l-bejgħ kollu li sar fl-aħħar ġimgħat, kien grazzi għall-vouchers tal-Gvern, u rringrazzjat lill-Gvern Malti għal dan l-inċentiv li wassal biex isalva eluf ta’ impjiegi u jkattar il-kummerċ.
ONE News tkellem mas-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Catering Matthew Pace, li spjega kif sondaġġ li għamlet l-assoċjazzjoni wera biċ-ċar li l-maġġoranza tal-bejgħ sar minn dawn il-vouchers.
Pace spjega, “L-average kien qisu 60% jiġifieri saħansitra fin-nofsinhar ta’ Malta fejn stabbilimenti rrekordjaw 80% mill-bejgħ ġej minn dawn il-vouchers.”
Is-Sur Pace qal li l-istess sondaġġ wera li l-użu tal-vouchers tal-Gvern sar l-aktar fi tmiem il-ġimgħa.
“Kien hemm konċentrazzjoni kbira fi tmiem il-ġimgħa numerament il-Ġimgħa, s-Sibt u l-Ħadd. Kellna ħafna stabbilimenti li joffru delivery service dirett mhux through sub contractive third parties li ukoll aċċettaw dawn il-vouchers li kellhom impatt pożittiv ħafna.” Kompla jgħid Pace.
Huwa faħħar ukoll l-ispezzjonijiet li jsiru għall-għarrieda mill-Aworità Maltija għat-Turiżmu, li jagħtu serħan il-moħħ lill-pubbliku.
Pace stqarr, “Oġġett li qed ninnutaw li l-MTA tagħmel ħafna spotchecks u random checks u bħala assoċjazzjoni aħna naqblu ħafna magħha ġifieri hija importanti nippriservaw dak is-safe feeling tal-klijenti tagħna li jattendu.”
Is-Sur Pace tenna li l-assoċjazzjoni tinsab impenjata li id f’id mal-Gvern, tissieħeb f’aktar diskussjonijiet miftuħa fuq miżuri oħra neċessarji.
Temm jiddeskrivi l-esperjenza tal-vouchers u tal-pagi lill-ħaddiema tul ix-xhur li kienu magħluqin ir-ristoranti, bħala waħda pożittiva, li ħolqot stimolu għall-konsum lokali u dak turistiku.