“Combattenti di terra, di mare e del aria. Camicie nere del rivoluzione e del legioni. Uomini donne di Italia, del impero e del renio di Albania. Ascoltate.”
Kien dan il-messaġġ ta’ ‘il Duce’ f’Palazzo Venezia li ftit tas-sigħat wara fisser terrur fuq Malta.
Fis-sebgħa neqsin ħamsa ta’ filgħodu dehru l-ajruplani Taljani jitfgħu l-bombi fuq artna.
Id-diskors tat-terrur ta’ Mussolini jum qabel immaterjalizza f’ħafna imwiet ta’ missirijietna.
Mietu fost oħrajn żewġ t’itfal ta’ erba’ u ħames snin.
“Irridu nsemmu diżgrazzja ta’ familja ġewwa l-Pietà, omm ta’ 25 sena, Nina Farrugia u t-tfal tagħha ta’ erba’ u ħames snin. Ukoll il-Gżira ngħidu li wieħed mill-attakki prinċipali kien fuq Lazzarett u l-bażi tas-sotto marini li kien hemm hemmhekk. Mietu seba’ min-nies ukoll, li kienet l-aktar traġedja, ħa ngħidu hekk, l-ikbar żewġ traġedji li kien hawn fl-ewwel attakk.”
Tmenin sena mill-ewwel ħbit mill-ajru tat-tieni gwerra dinjija fuq Malta, l-istoriku tal-istorja militari, Manuel Magri Conti spjega ma’ dan l-istazzjon kif il-Maltin u l-Ingliżi ma stennewhiex il-gwerra, anki jekk kien qed ibaqbaq sew fl-Ewropa.
“U rridu ngħidu li l-opinjoni tan-nies, allavolja kien hemm il-gwerra tal-Abbissinja fis-snin tletin u ħafna kwistjonijiet anki hawn Malta fuq it-Taljani, kontra t-Taljani, il-lingwa Taljana, il-lingwa Ingliża, il-lingwa Maltija, kollha ħa ngħidu hekk melting pot ta’ ideat u politika, ma kinux qed jippretendu dawn l-attakki. Biżżejjed ngħidu li la l-Ingliżi u lanqas il-Maltin ma kienu qegħdin lesti.”
Tant kemm il-Maltin ma kinux imħejjija biex ikunu taħt il-qilla u n-nar tal-qawwiet tal-assi li ma kellhomx idea kif jipproteġu ruħhom għax-xita ta’ bombi li bdew neżlin.
“L-aħjar difiża mill-attakki fl-ajru u jekk jiġru kien jingħad taħt it-taraġ jew taħt xi mejda. Jiġifieri la xelters, la ħaġa u lanqas oħra. Min kien stuż beda jaħżen l-ikel, speċjalment fil-preserves.”
Magro Conti spjega kif minn fuq it-turretta tal-Palazz Maġisterjali fil-Belt kien jingħata s-sinjal għall-attakki mill-ajru permezz tat-tlugħ ta’ bandiera ħamra u minnufih kienet tindaqq is-sirena.
Qal li sal-lum għad għandna marki tal-ewwel attakki fil-gwerra.
Dawn insibuhom ma’ żewġ faċċati fil-Gżira.
Fil-mużew tal-gwerra insibu wkoll waħda mill-ewwel bombi li niżlu u anki pakkett ta’ ittri milqutin.
Saħaq li fl-ewwel attakk, it-Taljani ma kellhomx idea eżatt fejn jitfgħu bla ħniena l-bombi.
“Biżżejjed ngħidu li kienu għadhom qed jaħsbu li hawn il-ferrovija f’Malta. Allura l-attakki, hawn min jassumi bħala storiċi illi l-attakki pereżempju fuq il-bieb tal-bombi jew l-akwati kienu intiżi apposta minħabba l-ferrovija.”
L-istoriku spjega magħna li maż-żmien Malta bdiet tħejji iżjed ruħha għal gwerra li ġiet fuqha iżda l-ewwel ħbit, tmenin sena ilu fisser paniku, biki u telf ta’ ħajjiet.